Lokali
Dokument essenzjali jekk se ssiefer fl-Unjoni Ewropea


Mindu faqqgħet il-pandemija tal-Covid-19 – speċjalment fl-eqqel tagħha – l-aptit għas-safar mar u għal diversi xhur lanqas kieku ridna, ma stajniex nieħdu btala barra l-pajjiż.

Bid-dokumenti tal-ivjaġġar baqgħu fil-kexxun, ma kinux wieħed jew tnejn dawk li pjanaw btala u sabu li l-passaport kien skada.

Mill-1 ta’ Ġunju, diversi bdew iħallu Malta għal btala ta’ ftit jiem. Ħafna milli għamlu hekk għażlu destinazzjoni fl-Ewropa. Fl-aħħar xahar u nofs jirriżulta li żdied sew l-interess fir-reġistrazzjoni jew it-tiġdid tal-European Health Insurance Card – meqjus bħala l-passaport għal kura medika urġenti waqt żjara f’pajjiż tal-Unjoni Ewropea. Din tinkludi fost oħrajn kura ta’ emerġenza, f’każi ta’ maternità u għal mard kroniku. Id-Direttur tal-Finanzjament tal-Kura tas-Saħħa fil-Ministeru għas-Saħħa, Michelle Galea, qalet li f’Ġunju biss kien hemm aktar minn 2,600 persuna li ġeddew jew għamlu il-European Health Insurance Card. Fl-istess xahar is-sena li għaddiet kien hemm biss mas-600.

“Dritt prinċipali li tagħtina l-EHIC hija li jekk naċċessaw kura fi sptar pubbliku aħna nkunu intitolati bħaċ-ċittadini residenti f’dak il-pajjiż partikolari fejn inkunu. Hawn ma rridux inserrħu moħħna għal kollox għaliex il-EHIC ma tkoprix għal kollox, jiġifieri aħna dejjem nirrakkomandaw liċ-ċittadin li jagħmel ukoll private health insurance.”

Is-Sinjura Galea żiedet li wara Brexit, il-European Health Insurance Card ma tistax tintuża aktar fir-Renju Unit. Madankollu, f’każ ta’ ħtieġa waqt żjara temporanja fir-Renju Unit il-Maltin għandhom dritt għal kura fi sptar jew klinika pubblika.

“Jekk jippreżentaw il-passaport mat-ticket ta’ meta waslu fl-Ingilterra hemmhekk jistgħu jaċċessaw il-kura tas-saħħa fi sptar pubbliku.”

Appellat lill-Maltin biex ma jħallux għall-aħħar ġranet qabel isiefru biex japplikaw għall-European Health Insurance Card. Din toħroġ fi żmien ħamest ijiem ta’ xogħol mindu ssir l-applikazzjoni. Spjegat li min jinqabad mingħajr il-card f’pajjiż tal-Unjoni Ewropea, xorta waħda għandu jmur għall-kura u jagħmel kuntatt mad-direttorat li hu bbażat fl-Isptar San Luqa li jiggwidah skont il-każ.

Applikazzjonijiet għall-Karta tal-Assikurazzjoni tas-Saħħa tal-Unjoni Ewropea jistgħu jsiru fuq ehic.gov.mt jew permezz tal-app MThealth entitlement. Applikazzjonijiet jistgħu jinġabru wkoll mill-Kunsilli Lokali u jibgħatha bil-posta. Nofs il-popolazzjoni Maltija għandha l-European Health Insurance Card.