Knisja Maltija
Dokumenti b’riformi ta’ Napuljun fost il-wirt storiku esebit fil-Kurja

Oriġinarjament magħrufa bħala Casa della Madonna di Manresa, il-Kurja tal-Arċisqof parti integrali mill-istorja reliġjuża u soċjali ta’ Malta. Fl-arkivju jinstabu bosta dokumenti fuq dak li seħħ f’Malta mis-seklu sittax ‘il quddiem. Il-binja fil-Floriana, li tintuża għall-amministrazzjoni ċentrali tal-Arċidjoċesi, se tiftaħ il-bibien tagħha għall-pubbliku fi tmiem il-ġimgħa.

Fiż-żmien qasir li għamel f’Malta, Napuljun Bonaparte għamel numru ta’ riformi. Waħda minnhom tinsab dokumentata fl-arkivju tal-Kurja tal-Arċisqof fil-Floriana permezz ta’ dokument iffimat minn Napuljun stess.

“Napuljun niżel Malta fit-tnax ta’ Ġunju 1798, fi ftit ġranet wara għamel nurmu ta’ riformi u fosthom għadda l-knisja konventwali, jiġifieri l-knisja ta’ San Ġwann, illum magħrufa bħala l-konkatidral ta’ San Ġwann, għall-użu tal-Isqof ta’ Malta ta’ dak iż-żmien, li kien l-Isqof Labini.”

L-arkivista djoċesan, Fr Nicholas Doublet, qal li dan id-dokument huwa parti fundamentali mill-istorja tal-Knisja f’Malta. Fl-arkivju tal-Kurja hemm dokumenti li jmorru lura għas-seklu sittax. Interessanti mappa tal-Belt Valletta li ġiet ippreżentata lill-Vatikan biex titwaqqaf il-parroċċa ta’ San Publiju fil-Floriana.

“U tinqata’ għalhekk mill-parroċċa ta’ San Pawl fil-Belt. Interessanti li l-mappa hija mħażża mill-arkitett Grognet dak li jiġifieri ddisinja l-knisja tal-Mosta.”

Dawn huma tnejn minn għadd ta’ dokumenti, li fi tmiem il-ġimgħa, il-pubbliku se jkun jista’ japprezza waqt li jżur il-Kurja, f’binja li kienet magħrufa bħala Casa della Madonna di Manresa.

Din il-binja inbniet mill-Ġiżwiti f’nofs is-seklu tmintax bħala dar għall-irtiri. Intużat għal dan l-iskop għal sbatax-il sena.

Is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi, Michael Pace Ross, spjega li l-użu tal-binja Barokka nbidel bosta drabi matul is-snin, minn kwartier tas-suldati għal sptar u seminajru djoċesan.

“Eventwalment fl-1892 saret skola, is-seminarju minuri, jiġifieri dawn kienu klassijiet li qed naraw warajna. Però mbagħad fl-1977, l-Arċisqof Ġużeppi Mercieca ġab il-Kurja Arċiveskovili hawnhekk f’dan il-bini.”

Għall-ewwel darba, il-Kurja se tiftaħ il-bibien għall-pubbliku f’Open Weekend fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Kalċidonju, li l-fdalijiet tiegħu jinsabu fil-kappella ddedikata lill-Madonna ta’ Manresa. Is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu se jsiru bosta attivitajiet fosthom taħditiet dwar l-istorja tal-post, il-pitturi li qed jiġu restawrati u l-ħidma pastorali u amministrattiva li ssir minn hawnhekk. Il-bitħa ħadet bixra ta’ festa Maltija, u fiha se jsiru kunċerti.

Aħbarijiet Oħra
Stejjer Umani

Omm Maltija ta’ żewġt itfal żgħar ilha sitt ġimgħat ma tara lil uliedha, u tisħaq li ma tafx x’sar minnhom. L-omm, li isimha mhux qed jixxandar fl-interess tat-tfal, ix-xahar li…

Kultura

Aktar minn 100 kwadru ta’ arti fil-Mużew Nazzjonali tal-Arti tneħħew minn posthom minħabba l-moffa li żviluppat fil-binja. F’kummenti lil TVM, il-Kuratur tal-MUŻA, Kenneth Cassar, spjega li l-opri tal-arti tneħħew minn…

Qorti

Raġel ta’ 31 sena li joqgħod Birżebbuġa wkoll ingħata l-ħelsien mill-arrest b’depożitu ta’ elf ewro u garanzija ta’ għaxart elef ewro wara li tressaq il-Qorti mixli li attakka, insulta, hedded…

Qorti

Raġel ta’ 26 sena mix-Xewkija li jaħdem fil-kafeterija tal-vapuri tal-Gozo Channel wieġeb mhux ħati li seraq €1,500 mill-basket ta’ mara li ħallietu warajha fuq mejda. Fil-Qorti, il-prosekuzzjoni ppreżentat filmati tas-CCTV…

Aktar