Knisja Maltija
‘Domna nikkumbattu l-vokazzjoni’ – 2 qassisin żgħażagħ ġodda

Erba’ ġuvintur wieġbu għas-sejħa vokazzjonali għas-saċerdozju. F’dinja maħkuma mill-materjaliżmu, Peter Ellul, Jean Gove’, Aayrton Ray Muscat u Matthew Pulis, qalu li l-mixja biex qalu iva għas-saċerdozju ma kenitx faċli, imma l-ferħ li ħassew meta fl-aħħar għamlu l-pass lejn il-vokazzjoni, kien wieħed kbir. Intervistati minn TVM, ftit jiem wara l-Ordinazzjoni Presbiterali, tnejn mis-saċerdoti ġodda jirrakkontaw l-emozzjonijiet li ħassew sakemm waslu biex jibdew jgħixu il-vokazzjoni tagħhom.

Dun Matthew Pulis għandu 34 sena, huwa mill-parroċċa Familja Mqaddsa l-Iklin. Ma’ TVM Dun Matthew jgħid li mhux biss iġġieled miegħu nnifsu biex ma jbaxxix rasu għas-sejħa tas-saċerdozju, imma f’dak iż-żmien li l-Mulej kien qed isejjaħlu kien tbiegħed mill-Knisja.

Dun Matthew Pulis qal “kont ‘Il bogħod mill-Knisja jiġifieri għamilt perjodu ta’ 6 snin, probabbli anke 7, ma nersaqx lejn Knisja, insibha diffiċli ħafna nifhem l-istituzzjoni tal-Knisja. It-twemmin tiegħi f’Alla qatt ma naqas imma l-viżjoni tal-Knisja kienet pjuttost viżjoni li kellha bżonn tinbidel. Jiġifieri Quddies il-Ħadd xejn, niftakar lill-ommi dejjem tqajjimni eċċ għall-quddies. Matul dak il-perjodu still bdejt inħoss anke apparti li kelli tfajliet, kelli karriera fl-IT kont naħdem Londra, qisu dik l-idea baqgħet dejjem tberren, is-saċerdozju is-saċerdozju, sakemm imbagħad fl-aħħar niftakar kien 6 ta’ Novembru ma stajtx nibqa’ niġġieled iktar u għedt isma’ jiena rrid nieħu din il-vokazzjoni bis-serjetà.”

Dun Aayrton Ray Muscat, mill-parroċċa ta’ Santa Luċija l-Imtarfa, għandu 26 sena, għal xi żmien ma riedx jaċċetta s-sejħa għas-saċerdozju, iżda meta kellu 18-il sena ħass li l-Mulej kien qed isejjaħlu b’mod ħafna iżjed qawwi.

Dun Aayrton Ray Muscat qal “jiena qatt ma nista’ ngħid li minn meta kont żgħir kont nesperjenza din is-sejħa li nidħol għas-saċerdozju. Pjuttost bil-maqlub. Pjuttost kelli allerġija għal dak li għandu x’jaqsam ma’ qassisin u ma’ affarijiet hekk. Allura għalija meta l-ewwel darba ħassejt li l-Mulej qed isejjaħli għal din il-missjoni kienet daqsxejn ta’ xokk kbir għax għedtlu iva minn tant affarijiet din? Fis-sens jiena dejjem minn età ċkejkna ħafna lill-ġenituri tiegħi kont għedtilhom li nixtieq insir tabib u jiġifieri qatt ma ċċaqlaqt lejn naħa jew oħra. Allura mbagħad kif tiġi dik is-sejħa u titolbok li tbiddel il-pjanijiet kollha lejn xi ħaġa li propju tgħid kollox barra dik, kollox barra dik!”

Ftit jiem wara l-ordinazzjoni saċerdotali, Dun Matthew u Dun Aayrton Ray qalu li l-ewwel quddiesa li qaddsu ħassewhom emozzjonati mmens. Dun Matthew qal ukoll esperjenza oħra qawwija kienet l-ewwel darba li qarar. Iż-żewġ saċerdoti ħeġġew żgħażagħ oħra bħalhom li qed iħossu sejħa biex jagħmlu l-kuraġġ u jersqu lejn saċerdot li jista’ jkun ta’ għajnuna għalihom.

Aħbarijiet Oħra
Politika

Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti preżentat proposti għar-riforma tal-Kostituzzjoni ta’ Malta u kitbet lill-President ta’ Malta biex jikkunsidra emendi fil-liġi dwar l-att tar-referenda. L-FKNK qed titlob biex ikun hemm ċertu salvagwardji…

Qasam soċjali

Fuq Facebook, Janet Walker, mara li flimkien ma’ 5 familji oħra twaqqatilha d-dar tagħha f’inċident tal-kostruzzjoni fil-Pietà, irringrazzjat lill-Prim Ministru Robert Abela talli fi kliemha, dan apparti li sema’ l-karba…

Kronaka

Raġel ta’ 28 sena mis-Somalja, daħal l-għassa ta’ San Ġiljan bi ġrieħi f’għonqu, wara li għall-ħabta tat-tmienja u nofs ta’ filgħaxija kien involut f’argument ma’ raġel ieħor fi Triq San…

Unjoni Ewropea

Il-liġijiet tal-Unjoni Ewropea, b’xi mod jew ieħor jaffettwaw lil kull wieħed u waħda minnha. Għaldaqstant, matul proċess twil sakemm tgħaddi xi liġi ġdida, ir-rappreżentanti tagħna fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill tal-Unjoni…

Aktar