Barranin
Donald Trump jgħid li mhux beħsiebu jwaqqaf partit ġdid

L-eks President Amerikan Donald Trump iddikjara li m’għandu ebda pjani biex jibda partit politiku ġdid. Huwa qal dan waqt konferenza tal-konservattivi fi Florida, fejn spjega li mhux se jagħmel dan għaliex inkella jaqsam il-Partit Repubblikan.

Fl-ewwel diskors tiegħu minn mindu Joe Biden ħa l-ħatra tiegħu bħala President, huwa ta wieħed x’jifhem li jista’ jerġa’ jikkontesta l-elezzjoni presidenzjali fl-2024, filwaqt li reġa’ insinswa li kien hu li rebaħ l-aħħar elezzjoni.

Trump ikkritika lil Biden, fejn qal li l-politika Amerikana, minn waħda li kienet l-ewwel, issa ġiet l-aħħar.

Ftit tal-ġimgħat ilu Trump ħelisha milli jiġi mkeċċi wara li kien qed jiġi akkużat li kien hu li instiga r-rewwixti li saru f’Jannar li għadda fuq il-kungress Amerikan f’Washington. Trump iżda għadu pprojbit mill-pjattaformi tal-media soċjali, fosthom Facebook u anki Twitter.