Politika
Dr Delia jgħid li r-riżenja tal-Kummissarju tajba iżda ġiet sentejn tard

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia saħaq li l-Prim Ministru Robert Abela għandu jilqa’ l-proposta tal-oppozizjoni biex il-kummissarju l-ġdid jinħatar b’mod li jgawdi l-fiduċja ta’ kulħadd. Qal li għalkemm hu tajjeb li l-Kummissarju Lawrence Cutajar irrezenja din ġiet sentejn tard li fihom qal li l-Gvern uża lis-sur Cutajar għall-iskopijiet tiegħu.

F’kollegament telefoniku fuq Net FM, Dr Delia qal li għadu mhux ċar x’se jkun qed jagħmel il-kumitat tal-kabinett dwar il-governanza. Qal li jekk il-Gvern verament irid li jkollu għodda għall-governanza tajba, missu għamel rappreżentanza tal-Oppożizzjoni. Kompla jgħid li dan il-kumitat se jkollu lill-kap taċ-ċivil Mario Cutajar bħala segretarju tiegħu meta l-Oppożizzjoni qed tirsisti għat-tneħħija tiegħu min kap taċ-ċivil minħabba li qal li immanipula ċ-ċivil.

Dwar id-dokument tal-Partit Nazzjonalista, Riforma u Tiġdid, Dr Delia qal li hu kuntent bir-reazzjoni pożittiva tas-soċjetà ċivili. Qal li dawn huma proposti bżonnjużi għal Malta, fosthom dwar it-tisħiħ tal-presidenza, tal-qrati, tas-soċjetà ċivili u tal-media. Kompla jgħid li jinsab lest li jpoġġi madwar mejda mal-Gvern u s-soċjetà ċivili u jiddiskuti dawn il-proposti biex verament jissaħħu l-istrutturi bażiċi tal-pajjiż. Il-Kap Nazzjonalista qal li Dr Abela għamel kampanja sħiħa jgħid li jrid kontinwità, u issa, għax irid jintgħoġob mill-poplu Malti, qed ibiddel id-diska.

Dr Delia tkellem ukoll dwar l-emerġenza fil-klima u qal li trid tittieħed azzjoni minnufih, inkella jkun tard wisq u tkun saret wisq ħsara għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.