Politika
Dr Gavin Gulia jirriżenja mill-Kamra tad-Deputati ftit tal-ħin biss wara li ħa l-ġurament tal-ħatra

Id-deputat Laburista l-Avukat Gavin Gulia rriżenja mill-Kamra tad-Deputati ftit tal-ħin biss wara li ħa l-ġurament tal-ħatra biex fi kliemu jibqa’ jservi fil-kariga ta’ Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu li qal tinsab fi żmien kruċjali.

L-Avukat Gulia qal illi meta ġie ddikjarat elett fl-elezzjoni każwali tat-Tnejn, il-Prim Ministru Robert Abela talbu jikkunsidra li jibqa’ jservi bħala Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu li ilu jmexxi seba’ snin fi żmien ta’ pandemija u meta qed titfassal strateġija ġdida sal-2030.

Huwa qal li l-Prim Minsitru talbu jissorvelja din l-istrateġija u jara t-twettiq tagħha. Huwa qal li aċċetta t-talba tal-Prim Ministru. Huwa għadda l-ittra ta’ riżenja lill-Ispeaker tal-Kamra Anġlu Farrugia li min-naħa tiegħu qraha lid-deputati.

B’reazzjoni, il-Partit Nazzjonalista qal li r-riżenja ta’ Dr Gulia mill-Parlament ftit sekondi wara li ħa l-ġurament tal-ħatra turi li l-Prim Ministru qed jimmanipula s-sistema demokratika biex idaħħal fil-Parlament lil min irid hu u mhux lil min eleġġa l-poplu.

Il-Partit Nazzjonalista qal li dan hu ta’ disprezz lejn ir-rieda u l-għażla tal-votanti.