Politika
Dr Grech f’laqgħa mal-FATTA – jgħid li l-PN irid pjan fit-tul għat-turiżmu

Il-Kap tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech, qal li l-Partit Nazzjonalista jrid il-ħolqien ta’ pjan fit-tul, partikolarment fid-dawl tas-sitwazzjoni li ġabet magħha l-pandemija, fejn it-turiżmu jibqa’ l-iktar settur vitali għall-ekonomiija.

F’laqgħa mal-Assoċjazzjoni għall-Ivjaġġar u l-Aġenti għat-Turiżmu, il-FATTA, Dr Grech qal li l-pjan irid ikun imsejjes fuq il-kwalità tat-turiżmu u tal-prodott ta’ pajjiżna.

Il-Kap Nazzjonalista qal li l-arroganza tal-Gvern waslet biex anke f’dan is-settur ma semax mill-esperti fil-qasam u dan wassal għal inċertezzi kbar. Dr Grech qal li minkejja li l-gvern serraħ ras in-nies li kellu l-mekkaniżmi f’posthom, ix-xogħol u s-sagrifiċċji kbar li għamlu eluf ta’ nies taru mar-riħ.

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li d-delegazzjoni tal-FATTA tmexxiet mill-President Iain Tonna u l-Kap Eżekuttiv Genevieve Abela, li qalu li jinsabu mħassba dwar x’se jiġri minn Marzu ‘l hemm għax il-gvern għadu ma qalx x’se jsir mis-suppliment tal-pagi.