Politika
Dr Grech jgħid li ċ-ċifri huma inkoraġġanti – il-PN irid ikompli jappella għal iżjed nies

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li jrid iwettaq bosta tibdiliet biex il-Partit Nazzjonalista jkollu iktar ideat friski. B’referenza għall-istħarriġ tal-opinjoni pubblika ppubblikat illum, qal li ċ-ċifri huma inkoraġġanti iżda ma jfissirx li l-Partit Nazzjonalista wasal, anzi jrid ikompli jappella għal iktar nies.

Intervistat fuq NET TV minn ġurnalist tal-gazzetta Illum, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li se jsiru tibdiliet kbar fil-partit biex il-partit ikollu iktar ideat friski. Dr Grech qal li jrid jaħdem biex il-partit jiġġedded u jissaħħaħ.

Mistoqsi dwar il-fatt li t-Tnejn jagħlaq 100 jum mill-kariga tiegħu bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista Dr Grech spjega li qed jiġbor informazzjoni biex id-deċiżjonijiet li jieħu jkunu infurmati. Dwar is-shadow cabinet, Bernard Grech qal li ġabar rapporti min-numru ta’ deputati u li se jkun hemm it-tibdil u t-tranġar fejn hemm bżonn.

Mistoqsi fuq id-donazzjoni ta’ €500,000 li Dr Adrian Delia ippreżenta lid-Dar tal-Providenza, il-Kap Nazzjonalista wieġeb li bħala kap kellu jkun jaf qabel, u meta tkellem ma’ Dr Delia qallu li xtaq li jagħmel il-ġid u li din kienet l-unika ħaġa li xprunatu.

B’referenza għall-istħarriġ tal-opinjoni pubblika ippubblikat fuq il-MaltaToday, Dr Grech qal li ċ-ċifri huma inkoraġġanti għall-Partit Nazzjonalista. Sostna li dan ma jfissirx li l-Partit Nazzjonalista rebaħ jew wasal, imma jfisser li l-Partit Nazzjonalista qed jagħmel avvanzi u jinsab fiduċjuż li l-poplu Malti qed jibgħat messaġġ li ma jridx politiċi li jgħadduh biż-żmien.

Mistoqsi dwar l-elezzjoni każwali biex jimtela l-post ta’ Edward Scicluna u li għaliha hemm il-possibbiltà li jitla’ Charles Azzopardi, li issa hu tesserat mal-Partit Nazzjonalista, Dr Grech wieġeb li kulħadd hu liberu jassoċja ruħu ma’ min irid u qal li sallum ma ttieħdet l-ebda azzjoni dwar l-allegazzjonijiet li saru fuqu.

Dwar il-kawża kostituzzjonali li se ssir minn LovinMalta, Dr Grech qal li fi stat ideali ma jkunx hawn stazzjonijiet politiċi minħabba li jkun hemm xandir nazzjonali li jkun korrett. Sostna li l-PBS mhux jaqdi dmiru bħala xandar nazzjonali għax qal li għandu parzjalità sħiħa favur il-Gvern. Qal li għalhekk NET TV u NET FM ma jistgħux jingħalqu.

Dwar il-kwistjoni tal-ftuħ tal-iskejjel, il-Kap Nazzjonalista qal li post it-tfal huwa fl-iskola imma mhux akkost ta’ kollox u appella biex jittieħdu l-miżuri kollha biex l-istudenti, l-għalliema u l-familji tagħhom ma jimirdux.