Qorti
Dr Jason Azzoppardi jixhed fil-kumpilazzjoni ta’ Yorgen Fenech

Dalgħodu f’awla 12 issoktat il-kumpilazzjoni tal-evidenza fil-konfront ta’ Yorgen Fenech mixli li kien il-mandat fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Is-seduta tal-lum bdiet billi instemgħa rikors tal-imputat li qed jallega ksur tad-dritt tal preżunzjoni tal-innoċenza.

Tixhed Sylvana Debono – editur ta’ RTK Media

Il-Qorti semgħet ix-xhieda ta’ Sylvana Debono Editur ta’ RTK Media. Is-Sinjura Debono ppreżentat kopja diġitali tal-programm ‘Andrew Azzopardi on 103′, programm tar-radju li mbagħad ġie mxandar fuq is-sit elettroniku tal-istess aġenzija. L-avukat tal-imputat Charles Mercieca staqsa minn għamel l-istedina lil Jason Azzopardi, b’Debono twieġeb li l-istedina saret mill-istazzjon u saret permezz ta’ telefonata. Il-Maġistrat talbet għal kjarifika dwar f’liema kariga kien qed jitkellem Jason Azzopardi jekk hux deputat parlamentari jew avukat. Qalet li huwa diffiċli biex tgħid f’liema pożizzjoni kien qed jitkellem għaliex Dr Azzopardi huwa bniedem ‘b’esperjenza kbira.’

Jixhed Jason Azzopardi

L-avukat Mercieca talab biex jitla’ jixhed Dr Azzopardi b’Dr Azzopardi pront jirrispondi li jagħmel dan bil-qalb kollu. Dlonk tintervjeni l-Maġistrat inkwerenti Montebello li wissiet għal professjonalità u biex ma jidiġġenerawx il-Qorti.

Min-naħa tiegħu, l-avukat Mercieca staqsa biex jikkonferma l-attendenza tiegħu għall-imsemmi programm, b’Dr Azzoppardi kkonferma u qal li diġà wieġeb dwar dan.

Qal li bħala parte civile kkonferma li rimarka li Fenech huwa ħati u żied jgħid li allaħares ma jemminx dan bħala avukat tal-familja. Dr Azzopardi qal li mhuwiex aġent tal-istat jew uffiċjal pubbliku.

Fuq il-pedana tax-xhieda l-Avukat ġie mistoqsi dwar informazzjoni meqjusa sensittiva dwar il-maħfra presidenzjali li ngħatat mill-istat. Qal li huwa għadda dawn il-kummenti wara kwotazzjoni lj ra fil ġurnal Malta Today u għalhekk ikkumenta dwar xi ħaġa li diġà kienet fid-dominju pubbliku għaliex tkellem dwara l-avukat Mark Sant f’isem il-koħħu mal-Malta Today. Qal li f’dak il-mument tkellem bħala avukat parte civile u bħala ċittadin Malti.

Meta beda jirrispondi għal mistoqsija tal-avukat Therese Comodini Cachia Dr Azzopardi kkonferma li tkellem f’isem it-tim legali tal-familja.

Intant fis-sottomissjonijiet l-avukat Mercieca qed jargumenta li l-proċess kriminali fi stat demokratiku l-preżunzjoni tal-innoċenza huwa fundamentali mill-bidu sal-aħħar. Qal li kull min iħobb is-saltna tad-dritt għandu jirrispetta dan b’mod speċjali nies involuti f’dan il-każ u li għandhom uffiċju pubbliku u għalhekk jistgħu jinfluwenzaw il-pubbliku.

Qal li se jkun l-istess pubbliku li finalment jiġġudika lil-istess Fenech u li anke sempliċiment opinjoni timmina dan id-dritt fundamentali.

L-avukat Comodini Cachia argumentat li t-talba speċifika tal-avukat Mercieca biex il-Qorti tipprovdi rimedju u tiġi newtralizzata l-ħsara li saret saru mingħajr bażi ta evidenza. Qalet li kien hemm ħafna nies li setgħu jinfluwenzaw aktar minn Dr Azzopardi fosthom l-influencers tal-midja soċjali u persuni oħra li ma jaqgħux taħt il ġurisdizzjoni tal-Qorti.

Intant is-seduta ġiet sospiża sakemm il-Qorti toħroġ digriet dwar ir-rikors. Is-seduta kompliet għall-ħabta tas-2.20pm bil-Maġistrat Rachel Montebello bħalissa qed taqra il-Qorti digriet dwar rikors ieħor li daħħlu l-avukati tal-imputat l-ġimgħa l-oħra fejn qed jiġi allegat li d-drittijiet tal-klijent tagħhom għal smigħ xieraq ġie miksur meta l-avukat ġenerali bagħat l-atti lura lill-Maġistrat hekk kif l-applikazzjoni li huma ssottometew ġiet assenjata lil maġistrat differenti. Il-Qorti ċaħdet it-talba tad-difiża.