Barranin
Drama dwar il-Familja Rjali tirbaħ l-award għall-aqwa sensiela tad-drama fl-Emmy Awards

Drama li tiċċentra fuq il-familja Rjali Ingliża, The Crown, rebħet l-award għall-aqwa sensiela tad-drama fit-73 edizzjoni tal-Emmy Awards f’Los Angeles l-Istati Uniti.

Iċ-ċerimonja tal-Ħadd filgħaxija kienet iddominata minn rebħiet għal talent Ingliż u diretturi nisa.

The Crown, flimkien mas-sensiela li tixxandar fuq Netflix, “The Queen’s Gambit”, rebħu ħdax-il award kull wieħed.

Olivia Coleman rebħet il-premju għall-aqwa attriċi fil-kategorija tad-drama għall-mod kif interpretat lir-reġina Eliżabetta f’The Crown u kienet waħda minn seba atturi Ngliżi li rebħu awards.

“I loved every second of it, and I can’t wait to see what happens next. And I’m going to be very quick because I’m very teary, as I wish my dad was here to see this.”

Sensiela li ħarġet ukoll bl-unuri kienet Ted Lasso, li tixxandar fuq l-Apple TV, u li rebħet l-award għall-aqwa kummiedja.

Is-sensiela li kellha 20 nominazzjoni hi dwar coach tal-football Amerikan, bil-parti tal-kowċ interpretata minn Jason Sudeikis, li jivvjaġġa lejn Londra biex jikkowċja tim professjonali tal-futbol fil-Premiere League. Sudeikis rebaħ l-award għall-aqwa attur; filwaqt li s-sensiela rebbħet ukoll lil Hannah Waddingham l-award għall-aqwa attriċi f’parti sekondarja u Brett Goldstein għall-aqwa attur f’parti sekondarja.

Anki Kate Winslet rebħet il-premju għall-aqwa attriċi f’sensiela limitata f’The Mare of Easttown, filwaqt li l-atturi Evan Peters u Julianne Nicholson rebħu l-unur għall-aqwa atturi f’parti sekondarja fl-istess sensiela.

Nisa oħra li bbrillaw waqt is-serata kienu l-Amerikana Lucia Aniello u l-attriċi minn New Zealand Jessica Hobbs li rebħu l-award għall-aqwa diretturi fis-sensiliet, “Hacks” u “The Crown”.