Divertiment
Dramm li jittratta l-istigma marbuta mal-HIV se jixxandar ‘online’

Minkejja li kawża tal-pandemija t-teatri jinsabu magħluqin, produtturi artistiċi u atturi ma qagħdux lura milli jtellgħu dramm komiku li se jintwera ‘online’.

“Pożittivi” huwa l-ewwel dramm kontemporanju Malti li jittratta l-istigma soċjali li hemm fuq il-persuni li jgħixu bl-HIV f’Malta u huwa bbażat fuq stejjer vera.

TVM segwa x-xogħol li għaddej biex tittella’ ‘online’ l-produzzjoni li għandha bħala lawtur lil Simon Bartolo u direttur lil Toni Attard.

Id-dramm jiffoka fuq sitt karattri li ħajjithom kollha ġiet b’xi mod affettwata mill-HIV u jżewwaq sitwazzjonijiet tal-ħajja reali ma’ storja fittizja/

L-atturi li ntagħżlu għal din il-produzzjoni li tagħmel parti mill-programm ta’ riċerka u innovazzjoni Horizon 2020 tal-Unjoni Ewropea huma sitta: Josette Ciappara, Ray Calleja, Clare Agius, Stephen Mintoff, Benjamin Abela u l-attur Daniż Chris Vincent li huwa attivista dwar l-HIV.

Toni Attard qal li “ilna naħdmu fuqha sentejn, beda minn proċess ta’ intervisti anonomi minn MGRM li jgħixu fl-HIV f’Malta, u Simon Bartolo l-awtur ispira ruħu minn sitwazzjoni ta’ stigma u nuqqas ta’ informazzjoni dwar l-HIV”.

Huwa spjega li din il-produzzjoni twassal ir-realtà tal-istigma ta’ persuni vera li jgħixu bl-HIV f’Malta u d-diskriminazzjoni li jaffaċċjaw minħabba l-kundizzjoni tagħhom.

Il-pubbliku se jkun jista’ jgawdi “Il-Pożittivi” permezz ta’ esperjenza online esklussivament ‘on-demand’. L-ispettaklu jibda mit-18 ta’ Ġunju u se jkun disponibbli sal-aħħar ta’ Ġunju.