Enerġija
AĠĠORNAT: Ara l-eżerċizzju ta’ emerġenza fil-power station ta’ Dellimara dalgħodu

L-inħawi ta’ Marsaxlokk u l-madwar dalgħodu nħasdu bil-ħsejjes tas-sireni tal-vetturi tal-emerġenza li wettqu għall-għarrieda eżerċizzju ta’ taħriġ għall-emerġenzi fil-Power Station ta’ Dellimara. L-eżerċizzju kien jinvolvi simulazzjoni ta’ inċident waqt xogħol ta’ manutenzjoni f’tank li minnu ħareġ il-fjuwil u qabad in-nar.

Ma’ Television Malta, l-Inġinier Michael Falzon spjega li biex it-taħriġ ikun iktar realistiku, la l-ħaddiema tal-Enemalta u lanqas dawk tal-emerġenzi ma kienu jafu b’dan l-eżerċizzju.

“Is-simulazzjoni kienet li ħareġ xi fjuwil, ħa n-nar u weġġgħu n-nies, u dawn kellhom jiġu salvati mit-timijiet li intervjenew. Bħal kull eżerċizzju, aħna nagħmlu evalwazzjoni wara u nagħmlu rapport fejn nistgħu nagħmlu l-affarijiet aħjar għal darb’oħra.”

L-Inġinier Damian Baldacchino, mill-Enemalta, spjega li dan l-eżerċizzju jsir kull sentejn. L-eżerċizzju sar fil-preżenza tal-uffiċjali mill-Awtorità għall-Ambjent u mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà Fuq il-Post tax-Xogħol.

“Minn dan l-eżerċizzju aħna nitgħallmu eżatt x’hemm bżonn li ntejbu u nagħmlu analiżi ta’ x’seħħ u ma seħħx waqt l-eżerċizzju biex dejjem nipproggressaw ‘il quddiem.”

Dan l-eżerċizzju tal-Enemalta sar bis-sehem tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, il-Korp tal-Pulizija u l-uffiċjal mediċi.