Barranin
Dulċier jirbaħ każ il-Qorti wara li ma għamilx kejk għal tieġ ta’ koppja gay

Il-Qorti Suprema tal-Istati Uniti ddeċidiet favur dulċier li ma riedx jagħmel kejk għal tieġ ta’ koppja gay. Dan wara li l-Qorti ta’ Kolorado kienet qalet li d-deċiżjoni ta’ Jack Phillips li ma jagħmilx il-kejk għat-tieġ ta’ David Mullins u Charlie Craig fl-2012 kienet diskriminatorja.

Madankollu l-Qorti Suprema qalet li din id-deċiżjoni marret kontra d-drittijiet ta’ Phillips. Phillips kien qal li hu rrifjuta li jagħmel il-kejk minħabba raġunijiet reliġjużi. Il-Kristjani Konservattivi jargumentaw li l-artisti kreattivi għandhom dritt li jiddeċiedu huma xi jbigħu.

Kolorado huwa wieħed mit-22 stat li jinkludi l-orjentazzjoni sesswali fil-liġi anti diskriminatorja. Dan ta fakultà lil Craig u Mullins biex jirbħu l-każ tagħhom quddiem il-Kummissjoni tad-Drittjiet Ċivili. Madankollu l-Qorti Suprema saħqet li l-Kummissjoni kienet preġudikata kontra Phillips.

Il-gruppi tal-gays qed jibżgħu li din id-deċiżjoni tista’ twassal biex iż-żwiġijiet bejn il-gays ikunu tratttati differenti minn dawk bejn mara u raġel. Madankollu, il-Qorti Suprema saħqet li hija qed tispeċifika fuq dan il-każ partikolari u li d-deċiżjoni ma tgħidx li fotografi, dulċiera u ħaddiema oħra jistgħu jirrifjutaw li jaħdmu ma’ koppji gays.