Politika
Dwell politiku ċivili mingħajr sorpriżi

L-aħħar dwell politiku bejn iż-żewġ mexxejja politiċi ewlenin f’dibattitu televiżiv kien mill-aktar ċivili bil-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia jesponu l-argumenti tagħhom li jirribattu b’korteżija l-argumenti ta’ xulxin.

Fit-tieni u l-aħħar dibattitu bejn Joseph Muscat u Adrian Delia ma kienx hemm sorpriżi iżda ż-żewġ mexxejja bil-kalma spjegaw il-pożizzjonijiet tagħhom fuq bosta temi li kienu ċentrali fil-kampanja elettorali. Fid-dibattitu tal-Awtorità tax-Xandir, Dr Delia qal li l-pożizzjoni tal-Partit Laburista fuq l-abort mhix ċara meta aċċetta l-manifest tal-Partit Soċjalista Ewropew. Il-Prim Ministru waqt li rribatta dan qal li l-Partit Nazzjonalista tilef lilu nnifsu kemm fuq il-kunsilli għax ma riedx li l-elezzjonijiet isiru f’bosta lokalitajiet kif ukoll fuq l-Unjoni Ewropea għax qed jitkellem fuq il-barranin meta 7 min kull għaxra barranin jinsabu f’Malta għax hija fl-Unjoni Ewropea.

Dr Delia ċaħad li qed jieħu l-Partit Nazzjonalista lejn il-lemin bl-argumenti fuq l-immigrazzjoni u stqarr li għandu tolleranza żero għar-razziżmu waqt li fakkar li kien Dr Muscat li ried il-pushback u li huwa kien fost l-avukat li iffirmaw kontra dan. Dwar il-programm taċ-ċittadinanza b’investiment, Dr Delia qal li din l-iskema għamlet aktar ħsara milli ġid għall-pajjiż minħabba li għarrqet ir-reputazzjoni ta’ Malta. Semma kritika ħarxa għall-Gvern fl-aħħar rapport tal-Kunsill tal-Ewropa minħabba s-saltna tad-dritt. Waqt li rrefera għall-kuntratt tal-isptarijiet, staqsa lil Dr Muscat jekk jaqbilx ma’ Konrad Mizzi jew ma’ Chris Fearne dwar dal-kuntratt.

Dr Muscat wieġeb li huwa jaqbel ma’ Dr Fearne u Dr Mizzi waqt li l-Kap tal-Oppożizzjoni ma jistax jgħid li jaqblu miegħu d-deputati kollha Nazzjonalisti. Il-Prim Ministru stqarr li l-argument ta’ Dr Delia ma jreġġix li l-Gvern qed ikabbar l-ekonomija bil-popolazzjoni. Qal li kieku dan, l-Afrika jkollha ekonomija li qed tikber għax għandha popolazzjoni kbira. Qal li l-ħaddiema barranin jiġu għax l-ekonomija qed tikber. Iż-żewġ mexxejja ma qablux dwar l-investiment fit-toroq. Dwar ir-rapport tal-Kunsill tal-Ewropa, Dr Muscat qal li dan mhux rapport oġġettiv bħal tal-Kummissjoni Ewropea u sar minn Deputat Olandiż tal-Partit Popolari Ewropew li kellu jagħmel apoloġiija għall-fake news dwar il-każ tal-ajruplan tal-passiġġieri li twaqqa’ fuq l-Ukrajna.

Iż-żewġ mexxejja trattaw ukoll l-ambjent b’Dr Delia jgħid li jirdoppjaw l-imwiet minħabba t-tniggis u jikkritika lill-Gvern li ħarbat l-ambjent bl-iżvilupp bla pjan. Qal li Malta tista’ tkun carbon neutral iżda għadha ma laħqitx il-miri tal-Unjoni Ewropea għall-enerġija nadifa.

Dr Muscat wieġeb li l-Gvern seta’ kien iktar sensittiv fuq l-ambjent. Żied jgħid li l-iktar kwistjonijiet li qamu kienu fuq żvilupp f’żoni li kienu ODZ u li gvern Nazzjonalista daħħalhom fiż-żoni tal-iżvilupp. Huwa semma l-ħtieġa ta’ pjan fit-tul maqbul bejn kulħadd biex tiġi indirizzata b’mod serju l-kwistjoni tal-iżvilupp. Dr Muscat qal li l-Gvern waqqaf it-tniġġis mill-power station u l-Partit Nazzjonalista għamel ostakli biex il-pajjiż jibqa’ jaħdem biż-żejt flok bil-gass. Tul id-dibattitu, ma naqsux il-botti u risposti bejn iż-żewġ mexxejja dwar temi oħrajn fosthom it-taxxa, il-każ Egrant, il-kontijiet tad-dawl, is-surplus, id-defiċit u l-kredibbiltà politika.

Aħbarijiet Oħra
Droga

L-Aġenziji li jaħdmu mal-vittmi tad-droga fosthom is-Sedqa u l-Caritas huma tal-fehma li l-użu rikreattiv tal-kannabis m’għandux ikun promoss għax ikattar il-kultura favur l-abbuż tad-droga. Din il-fehma intweriet waqt il-programm Dissett…

Partit Nazzjonalista

Il-President tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Kristy Debono qalet fi stqarrija li sabet li 84 mill-200 firma fil-petizzjoni li titlob biex jitlaqqa’ l-Kunsill Ġenerali biex jiddiskuti l-ġejjieni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista huma…

Lokali

Ta’ tnax-il sena sofriet diżabilità minħabba mard u wara ħafna snin ta’ żwieġ kellha tifel bil-kundizzjoni down syndrome. Minkejja l-isfidi, Lorraine Pellicano tgħid li Thomas berkilha ħajjitha u ħerqana li…

Lokali

Meqjusa fost l-ewwel tobba f’Malta li bdiet taħdem bla heda mal-vittmi tad-droga, ħidmet it-tabiba Maria Sciberras tfakkret f’konferenza f’għeluq il-25 sena mit-twaqqif tal-Aġenzija Sedqa u fil-jum internazzjonali kontra l-abbuż u…

Aktar