Infrastruttura
€1 miljun biex jiġi rranġat iz-zuntier tas-Siġġiewi

Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi se jirranġa z-zuntier tal-Knisja Parrokkjali ta’ San Nikola fis-Siġġiewi b’investiment ta’ madwar €1 miljun.

Kien il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg li ħabbar dan waqt żjara fl-istess lokalità.

Huwa sostna li l-Gvern mhux biss impenjat li jirranġa t-toroq imma anke z-zuntieri u l-pjazez li huma postijiet fejn jinġabru l-komunitajiet.

Ix-xogħol fuq iz-zuntier tas-Siġġiewi mistenni jinkludi l-qlugħ tal-madum tas-siment eżistenti, it-tneħħija tal-materjal ta’ taħt il-madum, it-tqegħid ta’ sodda tal-konkos, il-bini ta’ pedamenti tal-konkos u tal-ġebel tal-franka taħt it-turġien, it-tqegħid ta’ pavimentar ġdid tal-qawwi u t-tqegħid ta’ turġien ġodda tal-qawwi.

Dan ix-xogħol mistenni jibda lejn l-aħħar ta’ din is-sena u għandu jintemm fl-ewwel parti tal-2023.