Qorti
€1 miljun fil-kont tal-bank iwassal koppja l-Qorti fuq ħasil ta’ flus

Koppja minn Ħal Qormi nżammet arrestata wara li tressqet il-Qorti akkużata b’ħasil ta’ flus.

Amanda Farrugia ta’ 33 sena u Terence Cini ta’ 34 sena ċaħdu l-akkużi kontrihom, b’Cini akkużat ukoll li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest fuq każ ieħor.

L-investigazzjoni bdiet wara li sar rapport anonimu, bl-investigazzjoni tirriżulta fis-sejba ta’ iktar  €1 miljun fil-kont tal-bank ta’ Farrugia.

Intqal li Cini għandu assi friżati b’rabta ma’ każi oħra, bil-Pulizija tinnota negozji fuq propjetà u trasferimenti tal-flus li tissuspetta li kienu qed jgħaddu permezz tas-sieħba tiegħu.

Il-Qorti kienet ippreseduta mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace, il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Lianne Bonello, waqt li għall-akkużati dehru l-Avukati Franco Debono u Amadeus Cachia.