Enerġija
€1 miljun għal 40 għaqda sportiva biex jinvestu f’sistemi ta’ enerġija effiċjenti

Erbgħin għaqda sportiva se jieħdu bejniethom madwar €1 miljun grazzi għal skema maħruġa mill-Gvern biex il-klabbs sportivi jinvestu f’apparat u tagħmir aktar effiċjenti.

Permezz tal-iskema, maħruġa mill-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma (EWA) b’kollaborazzjoni ma’ Sport Malta, 40 klabb wettqu aktar minn 60 proġett bl-għajnuna li ngħatat biex ikunu jistgħu jinstallaw sistemi moderni ta’ dawl, ‘heat pumps’, ‘appliances’ u ‘pumping equipment’.

F’ċerimonja li saret fil-Padiljun tal-Basketball tal-Hibernians, il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli u s-Segretarju Parlamentari għall-Isport, ir-Rikreazzjoni u l-Għaqdiet Volontarji Clifton Grima ppreżentaw rikonoxximent lill-klabbs b’tifkira tal-investiment li għamlu.

Il-Ministru Dalli spjegat li l-konkorrenza għal din l-iskema kienet waħda b’saħħitha tant li ttieħdet id-deċiżjoni li jiġu allokati aktar fondi biex aktar proġetti ta’ enerġija effiċjenti jkunu jistgħu jiġu implimentati.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Grima faħħar il-pass ‘il quddiem li 40 organizzazzjoni sportiva ħadu bl-għan li jinvestu f’enerġija aktar sostenibbli.

B’kollox kien hemm mat-72 applikant għal din l-iskema u sa issa diġà ngħatat rifużjoni lil 40 klabb. Waqt li 70 proġett diġà tlestew, 50 oħra għadhom għaddejjin.

Permezz ta’ din l-iskema se tkun qed tiġi ffrankata mat-340 tunellata f’emissjonijiet CO2 fis-sena waqt li l-klabbs se jiffrankaw mal-€100,000 fis-sena f’kontijiet bejniethom.

Preżenti għaċ-ċerimonja kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-EWA Manuel Sapiano u l-Kap Eżekuttiv ta’ Sport Malta Mark Cutajar.