Droga
€1 miljun għas-Sedqa biex issaħħaħ il-ġlieda kontra d-droga

B’nefqa ta’ aktar minn €1 miljun l-Agenzija Sedqa ser tkompli ssaħħaħ ir-riżorsi tagħhom u anke s-servizzi biex taħdem kontra l-użu tad-droga.

Permezz ta’ ftehim li sar bejn żewġ ministeri Sedqa ser tingħata €1 miljun fuq tliet snin.

L-Agenzija Sedqa ser iżżid il-ħidma tagħha kontra l-vizzju tad-droga permezz ta’ nefqa li tlaħħaq aktar minn €1 miljun.

Dan sar possibbli bi ftehim li involva żewġ ministeri.

Filwaqt li kien iffirmat il-ftehim għall-prevenzjoni u l-abbuż mill-vizzji, id-Direttur tad-Direttorat tad-Drittijiet tal-Bniedem Michael Camilleri qal li l-vizzju tad-droga jbiddel l-atteġġjament tal-bniedem għax dan ma jibqax ħieles biex jieħu deċiżjonijiet fid-direzzjoni t-tajba.

“Il-vizzji qed ikollhom impatt sostanzjali u jbiddlu kif wieħed jgħix, jaħseb u jaġixxi ma’ nies oħra. L-investiment huwa importanti li jibqa’ jiżdied u jibqa’ jissaħħaħ kif għamilna llum fejn irduppjajna l-investiment li kien qed isir diġà sabiex in-nies ikunu aktar imħarrġa, l-għarfien tagħhom ikun aħjar kif ukoll ikunu jafu kif jistgħu jaċċessaw is-servizzi li bażikament ser ikunu qed jgħinuhom jew biex joħorgu mill-vizzju kif ukoll biex jintegraw fis-soċjetà”.

Il-Ministru Michael Falzon qal li dan il-ftehim se jagħmilha possibbli li l-Aġenzija Sedqa taħdem aktar fost l-istudenti kollha mill-primarja sal-post-sekondarja.

Huwa qal li se jkun hemm aktar għajnuna li se tkun mifruxa biex tintlaħaq minn kulħadd.

“Illum qed nissiġillaw ftehim li jkopri aktar minn €1miljun mifruxa fuq 3 snin fejn qed naħdmu biex mhux biss ngħinu imma aktar minn kollox biex nipprevjenu li jkollna persuni fis-soċjetà tagħna li sfortunatament jaqbdu t-triq tal-abbuż tas-sustanzi”.

L-investiment fuq il-prevenzju tal-vizzji sar b’kollaborazzjoni bejn żewġ ministeri.

Il-Ministru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici qal li l-għan ta’ dan il-ftehim huwa l-edukazzjoni kontra l-vizzji bil-ħsieb huwa li l-programm ta’ prevenzjoni se jasal anke fuq il-postijiet tax-xogħol.