Lokali
€1 miljun investiti f’uffiċini ġodda fir-Residenza San Vincenz de Paule

Il-ħaddiema tar-Residenza San Vincenz de Paule issa għandhom uffiċini moderni u mgħammra b’dak kollu meħtieg biex iwettqu ħidmithom b’aktar effiċjenza f’ambjent li jixirqilhom.

L-ufficini ġew inawgurati mill-Ministru għall-Anzjani u Anzjanità Attiva Michael Farrugia u swew mal-€1 miljun.

Mifruxa fuq 2,000 metru kwadru, l-uffiċini joffru ambjent aħjar u faċilitajiet bl-aħħar teknoloġija lill-2,200 ħaddiem li jahdmu fir-residenza San Vincenz de Paule fejn jgħixu mal-1,300 resident.

Il-Ministru Farrugia qal li San Vincenz de Paule m’għandux ikun biss residenza iżda għandu jilħaq livelli ta’ ċentru ta’ eċċellenza.

Huwa żied li sas-sena d-dieħla se jkunu modernizzati tliet swali oħra flimkien ma’ spiżerija ġdida u spazju għaż-żamma tal-mediċini.

Il-Ministru Farrugia semma wkoll kif it-tneħħija ta’ diversi restrizzjonijiet, fosthom il-perspex biex il-viżitaturi jiltaqghu mal-familjari tagħhom, ma waslet għall-ebda żieda fil-każi ta’ Covid-19 u rrimarka li fi żmien sitt ħimghat 97% tal-anzjani li jgħixu f’din ir-residenza jinghataw it-tilqima.

Min-naħa tagħha, il-Kap Eżekuttiv ta’ San Vincenz de Paule Josianne Cutajar qalet li dan il-progett huwa wieħed minn kullana ta’ proġetti li saru li fl-aħħar snin.