Lokali
€10.5 miljun biex jiġu indirizzati l-inġustizzji tal-imgħoddi fuq il-post tax-xogħol

Mas-6,200 ħaddiem fosthom pulizija, eks ħaddiema tax-xatt u tal-korpi aktar tard din is-sena ser jirċievu bejniethom aktar minn €10 miljun f’kumpens mill-Gvern għall-inġustizzji li sofrew. Il-Gvern ħabbar li għat-tieni sena, ser jipproċessa l-applikazzjoni u jħallas kumpens lil erba’ kategorija ta’ ħaddiema li snin ilu sofrew inġustizzji fix-xogħol tagħhom.

F’konferenza tal-aħbarjiet, il-Ministru tal-Familja u s-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon qal li l-Gvern għat-tieni sena wara l-oħra, ser ihallas kumpens biex isewwi inġustizzji li saru bosta snin ilu ma’ diversi ħaddiema. Dr Falzon qal li din is-sena huwa previst li jirċievu ċ-ċekk tal-kumpens 6,200 ħaddiem jew il-werrieta tagħhom.

Fosthom hemm 2,400 membru tal-korp tal-pulizija li ser jitħallsu għas-sahra li li ħadmuha bejn Settembru tal-1993 u Diċembru tal-2009. Magħhom ser jirċievu l-kumpens ukoll 2,800 ħaddiem li kienu fil-korpi tax-xogħol li taw servizz f’dipartiment tal-Gvern qabel 16 ta’ Jannar tal-1979.

Il-Ministru Falzon qal li mas-600 ħaddiem tax-xatt li kienu liċenzjati bejn April tal-1973 u Ġunju 2008 ser ikunu intitolati għal kumpens. Ħabbar ukoll li l-Gvern ser jagħti kumpens ieħor lil 270 ħaddiem li kienu Malta Electricity Board li ngħataw raġun mill-Qorti. Qal li l-Gvern seta’ jinjora l-każ tagħhom minħabba li kien preskritt.

Il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna qal li din hija t-tieni sena li l-Gvern alloka flus biex jitħallas dal-kumpens. Qal fuq sentejn ser ikunu tħallsu kważi €22 miljun lil ħaddiema li sofrew inġustizzji. Il-Professur Scicluna qal li l-Gvern huwa impenjat li jkompli jsewwi l-inġustizzji fuq medda ta’ żmien biex skont kemm jifilħu l-finanzi tal-Gvern. Żied li l-Gvern ma kellu ebda obbligu legali li jagħmel dan iżda nħass l-obbligu morali li jindirizza dawn l-anomaliji.

Il-ħaddiema li jistgħu jikkwalifikaw għal kumpens jistgħu japplikaw sat-28 ta’ Ġunju. Intqal li l-persuni li applikaw skont s-sena l-oħra u li rċevew pagament għax kienu eleġibbli, m’għandhomx għalfejn jergħu japplikaw fl-iskema ta’ din is-sena.

Aħbarijiet Oħra
Qorti

Seba’ snin wara li  pazjent fl-Isptar Karin Grech faga mejjet waqt li kien qed jiekol tiġieġa ntemmu l-proċeduri kriminali kontra tliet membri tal-istaff tal-infermiera. L-infermiera Maria Bondin ta’ 61 sena…

Qorti

Raġel ta’ 42 sena miż-Żebbuġ, Għawdex inżamm arrestat wara li tressaq fil-Qorti t’Għawdex, quddiem il-Maġistrat Joanne Vella Cuschieri akkużat bi traffikar tad-droga kokaina kif ukoll bil-pussess ta’ droga kokaina u…

Lokali

Bħalissa, il-Prim Ministru Joseph Muscat qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet dwar Brexit. Matulha Dr Muscat ħabbar it-tħejjijiet li qed tagħmel Malta f’każ li r-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea mingħajr ftehim u…

Lokali

Il-Ministeru tal-Familja u s-Solidarjetà Soċjali qassam €150,000 lil għaxar Kunsilli Lokali biex jirrenovaw il-housing estates fil-lokalità tagħhom. Fost il-kunsilli li ngħataw il-fondi hemm tal-Marsa, il-Ħamrun, Santa Venera, il-Belt Valletta u…

Aktar