Saħħa
€10 miljun biex jiġu mmodernizzati l-bereġ u ċ-ċentri tas-saħħa

Il-Fond Soċjali u tal-Iżvilupp Nazzjonali, li jamministra 70 fil-mija tal-flus li l-Gvern idaħħal mill-Programm taċ-Ċittadinanza b’Investiment, se jiddedika €10 miljun għall-immodernizzar taċ-ċentri u l-bereġ tas-saħħa.

Il-ftehim għal dan ġie ffirmat mill-Kap Eżekuttiv tal-Fond, Raymond Andrew Ellul, u l-Kap Eżekuttiv tad-Dipartiment tal-Kura Primarja, Rosanne Camilleri, f’ċerimonja qasira quddiem iċ-ċentru tas-saħħa tal-Gżira.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal li diġà ħarġet l-ewwel sejħa għal investiment ta’ €1.5 miljun għall-immodernizzar taċ-ċentru tas-saħħa tal-Gżira li qal għandu bżonnijiet urġenti. Qal li b’dan l-investiment se tkompli tissaħħaħ il-kura fil-komunità.

Dr Fearne qal li b’dawn il-fondi se jsir titjib fiċ-ċentri tas-saħħa kollha, minbarra ta’ Ħal Kirkop u ta’ Raħal Ġdid. Qal li ċ-ċentru ta’ Ħal Kirkop huwa ġdid u ser ikun il-kejl tal-livell li jridu jilħqu l-bqija taċ-ċentri tas-saħħa, filwaqt li f’Raħal Ġdid qed jinbena ċ-ċentru reġjonali tas-saħħa fl-istess lokalità, li ser isir flok iċ-ċentru tas-saħħa.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-Gvern qed ikompli jgħolli l-livell tal-qasam tas-saħħa, li diġà hu fost l-aqwa għaxar servizzi tas-saħħa fid-dinja. Dr Muscat qal li b’dan l-investiment, il-Gvern qed jimxi mar-rakkomandazzjonijiet tal-Awditur Ġenerali u tal-Kummissjoni Ewropea, biex tonqos il-pressjoni minn fuq is-servizz f’Mater Dei.