Ekonomija u Finanzi
€1,000 għal kull stabbiliment tal-ikel li ntlaqat mill-aħħar miżuri tal-Covid

L-għada li tħabbar li r-restoranti u snack bars se jitħallew biss iservu ikel take-away, il-Gvern ħabbar li se jagħti €1,000 għal kull stabbiliment li ntlaqat minn din il-miżura li daħlet bħala parti mir-restrizzjonijiet ġodda biex titrażżan l-imxija tal-Covid.

Dan tħabbar mill-Ministru ghat-Turizmu Clayton Bartolo f’konferenza tal-aħbarijiet li matulha ta’ dettalji dwar din l-iskema ġdida mmirata għar-restoranti u snack bars li se tammonta għal €2 miljun.

“Qegħdin naraw li nagħtu €1,000 lil kull restorant u snack bar li ġew impattatati permezz tar-ristrizzjonijiet li tħabbru lbieraħ, biex b’hekk inkomplu ngħinu fil-kontroll tal-pandemija tal-COVID-19.”

Il-Ministru Bartolo qal li l-applikazzjonijiet għal min huwa intitolat għal din l-għajnuna huma miftuħin, bl-Awtorità Maltija għat-Turiżmu se tkun qed tipproċessa l-applikazzjonijiet biex sal-aħħar ta’ Marzu jirċievu din l-għajnuna f’pagament ta’ darba li jista’ jintuża kif iridu s-sidien tal-istabbilimenti tal-ikel.

Il-Ministru Bartolo ħabbar ukoll li l-Gvern qed iżid l-għajnuna finanzjarja li qed tingħata lill-bars u l-kazini minħabba li flok sal-aħħar ta’ Marzu, issa se jibqgħu magħluqin sal-11 ta’ April.