Lokali
€100,000 f’boroż ta’ studju fl-Intelliġenza Artifiċjali f’livell ta’ Masters jew Dottorat

Il-Ministeru għall-Ekonomija u l-Industrija permezz tal-Awtorità għall-Innovazzjoni Diġitali, nieda t-tieni sejħa għall-boroż ta’ studju maħsuba għal dawk interessati jagħmlu kors f’livell ta’ masters jew dottorat fl-Intelliġenza Artifiċjali. Is-sejħa tfasslet b’mod li tilħaq aktar studenti u b’kollox qed jiġu allokati €100,000.

Kull student jew studenta jistgħu jibbenefikaw sa massimu ta’ €10,000 sew jekk jagħmlu l-kors part-time jew full-time. Il-boroż ta’ studju japplikaw minn din is-sena. L-applikazzjonijiet jinkisbu mis-sit elettroniku tal-Awtorità għall-Innovazzjoni Diġitali u huma miftuħa sas-16 ta’ Lulju.

Il-Ministru Silvio Schembri qal li dawn il-boroż ta’ studju huma parti minn investiment edukattiv li qed tagħmel l-awtorità biex skont l-istrateġija Nazzjonali għall-Intelliġenza Artifiċjali li tħabbret fl-2019. Il-mira aħħarija hi li sal-2030, Malta ssir l-aqwa pjattaforma fejn tidħol l-Inteliġenza Artifiċjali.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità, Steve McCarthy, qal li l-ħidma fis-settur tal-Intelliġenza Artifiċjali għandha żewġ faċċati mportanti – waħda li jinġiebu operaturi f’Malta u l-oħra li dawn l-operaturi jsibu n-nies bil-ħiliet neċessarji.