Lokali
S’issa l-aktar li ntużaw il-vawċers kien fir-restoranti

Permezz tat-tieni rawnd ta’ vawċers li tqassmu lil kull min għandu ‘l fuq minn 16-il sena, f’temp ta’ xahar u nofs diġà kienu injettati €16-il miljun ewro fl-ekonomija Maltija.

Diġa intuża terz tal-valur tal-vawċers li nħarġu mill-Gvern biex jgħinu l-ekonomija waqt l-isfida tal-Covid-19.

Sa din il-ġimgħa ntużaw €16-il miljun f’valur ta’ vawċers minn total ta’ 50 miljun ewro li tqassmu.

F’konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija, Silvio Schembri qal li ntużaw €6 miljuni f’vawċers digitali u b’€10 miljuni f’vawċers ipprintjati.

L-aktar li ntużaw kienu dawk il-vawċers li jistgħu jintużaw fi stabbilimenti tal-ikel. Mill-vawċers il-ħomor s’issa ntefqu €9.2m filwaqt li mill-vawċers il-blu ntefqu €6.9m.

Il-Ministru Schembri qal li sal-4 ta’ Lulju MaltaPost lestiet il-proċess kollu tat-tqassim tal-vawċers ipprintjati u min ma kienx id-dar tħallietlu notifika biex imur jiġborhom mill-fergħa tal-MaltaPost ta’ dak il-lokal. F’dak il-każ, il-persuna trid tmur il-fergħa tal-MaltaPost bin-notifika u bil-karta tal-identità tagħha u tiġbor il-vawċers tagħha.

“F’ċirkostanzi fejn persuna għal xi raġuni jew oħra ma rċevietx dik in-notifika u l-karta, tista’ tidħol fil-websajt tal-Mimcol għamilna sezzjoni apposta track your voucher, iddaħħal in-numru tal-ID card tiegħek u n-numru tad-dokument tal-ID card li jinsab wara tal-ID card u hemmhekk inti titlagħlek l-informazzjoni fejn jinsablek il-vawċer fil-fergħa tal-MaltaPost kif ukoll it-tracking number ta’ dak il-vawċer. Inbagħad inti żżomm kopja ta’ dak in-numru jew tieħu screenshot jew tiktbu fuq karta, u tmur inti b’dak in-numru u bl-ID card tiegħek, tiġbru minn dik il-fergħa tal-MaltaPost li jkollok indikat.”

Mat-328,500 persuna kienu intitolati għall-vawċers ipprintjati u fadal mas-37,800 voucher x’jinġabru.

Il-Ministru Schembri qal ukoll li dawk il-persuni, ħafna minnhom barranin li ma kellhomx karta tal-identità jew permess ta’ residenza validi sal-aħħar ta’ April iżda li kienu laħqu applikaw biex iġedduhom u llum għandhom id-dokumenti mġedda, jistgħu jagħmlu kuntatt mal-customer care biex jinħarġulhom il-vawċers.