Lokali
€193 miljun mill-ESF+ għal investimenti fl-oqsma tax-xogħol, l-edukazzjoni, is-saħħa u l-inklużjoni soċjali

Tnieda proċess ta’ konsultazzjoni pubblika dwar il-proposti identifikati mill-gvern Malti għall-programm ta’ ħidma bil-fondi ewropew li Malta se tibbenefika minnhom permezz tal-programm tal-fond Soċjali Ewropew Plus, għall-perjodu bejn l-2021 u l-2027.

F’dawn is-7 snin, Malta se tinvesti €193 miljun fir-riżorsi umani billi se jissaħħu l-oqsma tal-impjiegi, is-saħħa, l-edukazzjoni u l-inklużjoni soċjali. Minn din l-allokazzjoni tal-Fond Soċjali Ewropew Plus għall-2021 u l-2027, 10% se jiġu investiti għal Għawdex. Dawn il-fondi jifformaw parti mill-qafas multi-annwali finanzjarju tal-Unjoni Ewropea li b’kollox jammontaw għall-2,270 miljun ewro.

“Dawn il-fondi jorbtu kemm għal taħriġ, kemm għall-qasam soċjali. Kif ukoll għal diversi għanijiet importanti li jirriflettu anki għal negozji u d-diversi inċentivi li jkollhom iżda dan huwa kollu bl-għan li nkomplu nsaħħu l-inklużjoni soċjali fl-iktar tifsira soċjali tagħha”, is-Segretarju Parlamenti.

Is-Segretarju Parlamentari fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru responsabbli mill-Fondi Ewropej, Stefan Zrinzo Azzopardi qal li l-gvern qed iniedi proċess ta’ konsultazzjoni pubblika dwar kif se jinvesti dawn il-flus f’erba’ prijoritajiet li jinkludu t-tisħiħ tal-opportunitajiet tax-xogħol b’allokazzjoni ta’ 57 miljun ewro bil-għan li jitjieb l-aċċess għall-impjiegi u jingħata appoġġ lil dawk li qed ifittxu x-xogħol, partikolarment iż-żagħżagħ.

Għat-trawwim ta’ inklużjoni attiva għal kulħadd, hemm ippjanati proġetti li bejniethom jiswew mat-€53 miljun bil-għan li ssir promozzjoni aħjar tal-ugwaljanza għal kulħadd b’parteċipazzjoni attiva li mhix diskriminatorja. €77 miljun oħra huma maħsuba biex isiru inizjattivi għal edukazzjoni ta’ kwalità u inklussiva, kif ukoll t-tisħiħ tat-tagħlim tul il-ħajja; filwaqt li €5 miljun oħra se jindirizzaw ir-realtà ta’ persuni mċaħħda minn affarijiet materjali.

“Nindirizzaw anki fit-tagħlim per eżempju l-inizjattiva ta’ one tablet per child fl-iskejjel sekondarji u allura għandek firxa ta’ inizjattivi lkoll maħsuba biex nagħmlu soċjetà iżjed inklussiva”, qal Zrinzo Azzopardi.

Id-dokument bil-proposti tal-Gvern jista’ jinkiseb minn eufunds.gov.mt u kulħadd għandu ċans biex jibgħat ir-reazzjonijiet tiegħu sat-30 t’Awwissu.