Lokali
€2 miljun minn fondi Ewropej għal ċentru ġdid tal-Caritas fil-Ħamrun

Caritas Malta kisbet żewġ miljun ewro minn fondi Ewropej għall-proġett biex iċċaqlaq l-operat tagħha mill-Floriana għal ċentru fil-Ħamrun.

Id-Direttur tal-Caritas, Anthony Gatt, qal li mhux għal din l-għotja, li tirrappreżenta kważi nofs l-ispiża, ma kinux jaslu li jwettqu dan iċ-ċentru li se jiġbor f’post wieħed l-amministrazzjoni u l-operat kollu tal-organizazzjoni, ħlief il-programmi residenzjali.

Sa sentejn oħra, is-servizzi kollha tal-Caritas ħlief dawk residenzjali se jibdew jingħataw minn post wieħed ċentralizzat, fil-Ħamrun. Dan wara li l-Knisja għaddiet b’ċens termporanju lill-Caritas proprjetà li sa mill-ħamsinijiet kienet tintuża għal skop soċjali iżda fl-aħħar snin tħalliet abbandunata.

Fl-uffiċini tal-Caritas fil-Floriana, ġie iffirmat ftehim li bih żewġ miljun ewro minn fondi ewropej se jiġu dedikati għat-twettieq ta’ dan iċ-Ċentru tal-Komunità. It-twettieq tal-proġett jinsab f’idejn il-President Emeritu, George Abela, li qal li ċ-ċentru se jiswa erba’ miljun ewro u nofs. Spjega li l-Caritas ma joffrix biss servizzi relatati mal-abbuż mid-droga iżda jgħin u nies emerġinati u vulnerabbli fosthom min jinsab fir-riskju tal-faqar, vittmi ta’ użura u solitudni, u anzjani.

“Anki din il-binja li qed tinbena qiegħda mibnija bi skop biex tilqa’ għal dawn il-ħtiġijiet ta’ soċjetà li qiegħda tinbidel ukoll fil-pajjiż tagħna. Fuq fibra soċjali wkoll li qiegħda tinbidel. Allura anki kull sular jilqa’ għal dawn il-ħtiġijiet.”

Il-Caritas imiss ukoll ma’ realtajiet ta’ diffikultajiet fiż-żwieġ. Ronnie Frendo ilu ħames snin separat u stqarr li kien spiċċa ngħalaq fih innifsu. Qal li qraba ssuġġerewlu jattendi laqgħat li l-Caritas torganizza għal persuni li jkunu għaddejjin minn separazzjoni.

“Ikun hemm ħafna nies jgħidulek imma jien m’għandix flus biex immur councelling u biex inħossni daqsxejn aħjar. M’għandhomx problema għax il-Caritas hija post fejn tagħti ħafna servizzi bla ħlas. Tiġi hawnhekk, jidderiġuk huma u tibda tingħata councelling pereżempju li jkollok bżonn ħafna bħal ma kelli bżonn jien.”

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Aaron Farrugia, qal li l-proġett ta’ ċentru tal-komunità tal-Caritas se jmiss ma’ individwi u familji li jekk ma jiġux megħjuna jkollhom ġejjieni differenti. Qal li mas-600 ruħ mistennija jagħmlu użu minn dan iċ-ċentru malli jiftaħ il-bibien tiegħu sentejn oħra.

Aħbarijiet Oħra
Kultura

Inqas minn xahar bogħod mill-Karnival, karru satiriku qajjem kontroversja. L-awtoritajiet iridu li l-karristi jbiddluh biex ma jkunx offensiv waqt li l-karristi qed jiddefendu l-idea tal-karru u jgħidu li ma ġietx…

Trasport

Minn nhar is-Sibt it-traġitti bil-passiġġieri bejn Malta u Kemmuna ser jibdew isiru minn Kooperativa Comino Ferries li fiha seba’ operaturi. Il-koperattiva kienet l-uniku operatur li għamel l-offerta wara sejħa pubblika…

Lokali

Persuni b’mard kroniku jew diżabilità qed iħossuhom diskriminati li kumpaniji tal-assikurazzjoni mhux qed iħalluhom jixtru polza ta’ assikurazzjoni fuq ħajjithom li mingħajrha ma jistgħux jieħdu self mill-bank jew possibilment jibdew…

Lokali

Il-missjoni tal-Kummissjoni tas-Servizz Pubbliku, bħala organu mwaqqaf mill-Kostituzzjoni, hi li tassigura li l-ingaġġ ta’ ħaddiema maċ-ċivil ikun effiċjenti u bbażat fuq il-mertu. Il-Kummissjoni tieħu ħsieb ukoll il-proċeduri dixxiplinarji fil-konfront tal-ħaddiema…

Aktar