Qorti
€200 multa talli saq bi traskuraġni u baqa’ dieħel f’serkin – is-sewwieq weġġa’ u ż-żiemel kellu jitraqqad

Raġel ta’ 35 sena nstab ħati li saq b’mod traskurat u ħabat f’serkin bil-konsegwenza li kemm is-sewwieq tas-serkin kif ukoll iż-żiemel sofrew ġrieħi tant li l-istess żiemel kellu jitraqqad.

Carlos Falzon kien mixli li fis-27 ta’ Lulju 2014, għall-ħabta tas-6.30 p.m. fi Triq id-Daħla ta’ San Tumas f’Wied il-Għajn, saq vettura b’manjiera traskurata u b’mod perikoluż u kkaġuna ħsara b’dannu għal Joseph Fenech.

Quddiem il-Maġistrat Simone Grech irriżulta li waqtli sid iż-żiemel kien għaddej mit-triq ħass daqqa li tefgħet lilu u liż-żiemel mal-ħajt.

Ix-xufier baqa’ sejjer madankollu l-pjanċa tar-reġistrazzjoni tal-vettura waqgħet u ġabruha l-Pulizija.

Falzon mar jirrapporta l-inċident l-għassa waqt li Fenech għall-ewwel ma riedx li jittieħdu passi kontrih imma mbagħad bidel fehmtu għax qal li l-akkużat ma mexiex ta’ raġel miegħu u ma ħallsux kif ftehmu.

Il-Maġistrat Grech sabet lil Falzon ħati ta’ sewqan traskurat imma mhux ta’ sewqan perikoluż u mmultatu €200.