Qorti
€2,000 multa talli saq fuq raġel waqt argument wara ħabta f’Ħal Qormi

Raġel kien immultat €2,000 wara li nstab ħati li saq għal fuq ieħor waqt argument bejniethom wara ħabta f’Ħal Qormi.

Elton Theuma, ta’ 47 sena minn Ħal Qormi, kien mixli li fil-31 ta’ Marzu 2018, fi Triq l-Imdina, ipprova jikkaġuna ġrieħi gravi fuq Yuksel Koyuncu.

Huwa ġie akkużat ukoll li kkaġunalu ġrieħi ħfief u li saq vettura b’mod perikoluż u traskurat.

Waqt li Koyuncu sostna li Theuma pprova jsuq għal fuqu, l-akkużat qal li l-vittma intefalu quddiem il-karozza x’ħin mar biex isuq.

Ix-xhud ewlieni f’dan il-każ kienet mara li rat l-argument jiżvolġi quddiem għajnejha. Hija xehdet li rat żewġ karozzi jaħbtu u wara li ż-żewġ sewwieqa ħarġu mill-karozza, wieħed minnhom ta daqqa lil ieħor f’sidru. Dak li qala’ d-daqqa ma rritaljax imma ħareġ il-mobile u mexa quddiem iż-żewġ karozzi bl-akkużat jidħol fil-karozza u pprova jsuq għal fuqu.

Ix-xhud qalet li rat lill-vittma jtir minn fuq il-bonnet u jaqa’ mal-art u identifikat lil Theuma bħala dak li saq għal fuq l-ieħor.

Il-Maġistrat Nadine Lia, li semgħet il-każ, qalet li għalkemm m’hemmx dubju mill-għemil tal-akkużat, ma rriżultax li pprova jikkaġunalu ġrieħi gravi kif akkużatu l-prosekuzzjoni u għalhekk illiberatu minnha.

Hija sabet lil Theuma ħati taż-żewġ akkużi l-oħra u kkundannatu €1,000 multa talli kkaġuna ġrieħi ħfief u €1,000 oħra talli saq b’mod traskurat.

Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Rodrick Attard.