Qorti
€2,000 multa talli weġġa’ tnejn f’ħabta bejn żewġ karozzi

Żagħżugħ ta’ 25 sena kien ikkundannat multa ta’ €2,000 wara li nstab ħati li weġġa’ tnejn f’ħabta bejn żewġ karozzi.

Ryan Cutajar kien mixli li fit-2 ta’ April 2016, għall-ħabta tan-12.30 a.m. fi Triq Sant’Andrija fis-Swieqi, saq vettura b’mod traskurat u kkaġuna ġrieħi gravi lil Amber Magri u ġrieħi ħfief lil Carl Cauchi.

Huwa kien akkużat ukoll li kkaġuna ħsara fil-vettura tal-istess Cauchi, li saq il-vettura tiegħu b’manjiera eċċessiva kif ukoll li qasam il-linji bojod kontinwi u ma żammx fuq in-naħa tax-xellug tat-triq.

Mill-provi li tressqu quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo rriżulta li l-ħabta seħħet waqt li Cutajar kien qed isuq lejn Paceville u miegħu kellu riekba lil Magri waqt li Cauchi kien ġej mid-direzzjoni opposta.

Cutajar sostna li huwa u Magri kienu marru ma’ żewġt iħbieb oħra jieklu Buġibba mbagħad kienu sejrin Paceville.

Skont l-akkużat huwa xorob biss flixkun birra u qal li tilef il-kontroll tal-vettura wara li għaddiet vettura b’dawl abjad li għamietu.

Magri, li spiċċat b’idha miksura, xehdet li hija kienet qed tħares ‘l isfel lejn il-‘mobile’ u x’ħin għolliet rasha rathom deħlin f”barrier’ u bdiet twerżaq imbagħad baqgħu deħlin fil-karozza li kienet ġejja mill-karreġġjata opposta.

Cauchi, li wkoll sofra ksur, qal li huwa jiftakar jara lill-karozza ġejja ġo fih imbagħad kien maqbud fil-karozza tant li kellu jinħareġ minnha.

Wara li semgħet il-provi l-Maġistrat Farrugia Frendo kkonkludiet li l-inċident seħħ tort ta’ Cutajar.

Hija sabitu ħati tal-akkużi kollha ħlief dawk fejn ġie mixli li saq b’veloċità eċċessiva u li qasam il-linji bojod kontinwi u ma żammx fuq in-naħa tax-xellug tat-triq għax dawn kienu preskritti.

Minbarra l-multa hija ssopendietlu l-liċenzja tas-sewqan għal 35 jum u ordnatlu jħallas €1,490 fi ħlas tal-esperti.

Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Trevor Micallef.