Qorti
€20,000 multa talli żamm 44 kelb f’kundizzjoni ħażina f’daru fiż-Żejtun

Raġel ta’ 66 sena miż-Żejtun kien ikkundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin, ommultat €20,000 u miżmum milli jrabbi klieb għal 25 sena wara li nstab ħati li f’daru żamm 44 kelb f’kundizzjoni ħażina.

Antonio Vella tressaq il-Qorti wara li fi Frar ta’ sentejn ilu uffiċjali mid-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali għamlu spezzjoni f’daru u sabu ħafna klieb fi stat ħażin.

X’ħin daħlu l-uffiċjali xammew riħa ta’ urina u sabu ħmieġ tal-klieb mal-art u waqt li ħafna minnhom kienu qed jiġru mad-dar, 6 kienu miżmumin f’gaġeġ fil-garaxx.

F’kull gaġġa, li kien fiha 2 metri b’metru u nofs, kien hemm bejn ħamsa u sebat iklieb tar-razza Cavalier King Charles Spaniel.

Il-parti l-kbira tal-klieb kienu ċċippjati imma 14 minnhom ma kinux. Kien hemm għaxart iklieb reġistrati fuq martu, li hija mejta, u 2 fuq persuna oħra.

Għalkemm il-maġġoranza tal-klieb kienu tar-razza Cavalier King Charles Spaniels kien hemm oħrajn tal-Fenek, Rough Collier, Chow Chow u Shih Tzu.

L-uffiċjali nnutaw li l-klieb li kienu qed jiġru mad-dar kienu f’kundizzjoni aħjar minn dawk fil-gaġeġ li kienu magħlubin. Ħafna mill-klieb instabu b’ħafna għoqiedi u l-pil kien maħmuġ.

Meta l-uffiċjali staqsewh għala kellu dawk il-klieb kollha, huwa qalilhom li kien dilettant tal-konkors tal-klieb u anke wrihom midalji li rebaħ.

Il-Maġistrat Nadine Lia, li ddeċidiet il-każ, irrimarkat li l-akkużat tilef il-kontroll dwar kif għandu jmantni lill-klieb u kkundannatu talli għamel użu minn uħud mill-klieb biex jirbaħ il-midalji.

“Huwa ta’ tħassib lil din il-Qorti, u jitfa’ dell ikrah fuq il-passatemp ta’ min irabbi u jdaħħal il-klieb f’kompetizzjonijiet, li teżisti realtà kerha dwar it-trattament ta’ dawn l-annimali wara li ma
jibqgħux jiġu użati għal dawn il-kompetizzjonijiet u ma jibqgħux fl-aqwa żmien tagħhom”.

Meta ġiet biex tagħti l-piena hija qieset, fost oħrajn, li Vella qatt ma wera rimors għal dak li kkaġuna lill-klieb u anke l-fatt li minn spezzjoni għal oħra s-sitwazzjoni baqgħet l-istess.

Hija ordnat ukoll lid-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali biex jieħu f’idejh l-annimali u jekk ikun hemm bżonn isibilhom dar.

Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Trevor Micallef.