Budget2021
€21.5 miljun f’għotjiet ta’ enerġija rinovabbli

Il-Ministru għall-Enerġija u l-Immanniġġjar tal-ilma Michael Farrugia qal li l-baġit tas-sena d-dieħla qed jalloka €21 miljun u nofs f’għotjiet ta’ enerġija rinovabbli bis-sistema ta’ feed in tariffs. Qal li b’dan il-mod min qed jinvesti f’enerġija rinovabbli mhux biss iġib flusu lura iżda jagħmel il-qliegħ mill-enerġija li jiġġenera bis-sistemi ta’ enerġija alternattiva. Dr Farrugia qal li din is-sena l-Gvern qed iżid l-allokazzjoni b’€5.8 miljun għall-għajnuniet fis-sistemi renovabbli, li jfisser kważi d-doppju ta’ dak li ġie vvutat għal din is-sena. Qal li s-sena d-dieħla se tiġi installata sistema ta’ batteriji ma’ dawk fotovoltajċi fiċ-Ċentru Għajn fir-Rabat biex l-istudenti jitgħallmu dwar aħjar dwar l-enerġija rinovabbli. Il-Ministru Farrugia qal li kull sena se jiġu installati batteriji f’binjiet pubbliċi, filwaqt li l-Enemalta qed tkompli tinvesti f’teknoloġiji ġodda għal distribuzzjoni aħjar tal-elettriku.

Il-Ministru qal li għaddejja ħidma intensiva biex titjieb il-kwalita’ tal-ilma permezz tal-korporazzjoni għas-servizzi tal-ilma, bi proġett ta’ €130 miljun kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea.

“It-tunnel f’Pembroke, jitwassal l-ilma sar-riżerva ta’ Ta Qali, ssir it-taħlita tal-ilma, u jitwassal San Ġwann, l-iskop prinċipali li jitjieb il-kwalita’ ta’ Malta fiċ-ċentru ta’ Malta, mhux biss titjieb it-togħma imma l-livelli ta’ kimiċi li jintużaw”.

Il-Ministru qal li sa Ġunju tas-sena d-dieħla, Għawdex se jkollu reverse osmosis ġdida li se tipproduċi 93 miljun litru ilma kuljum.