€23,000 multa għal miżbla tal-Għallis li operat għal xi żmien bla permess

L-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi estendiet għal erba’ snin il-permessi ambjentali magħrufa bħala l-IPPC għall-miżbliet ikkontrolati Tal-Għallis u taż-Żwejra. Waqt li ġedded dawn il-permessi, il-bord tal-awtorità mmultat lil Wasteserv €23,000, minħabba li opera l-miżbla tal-Għallis mingħajr permess għal madwar sena u impona garanzija bankarja ta’ madwar €10 miljun li jintilfu jekk il-wasteserv ma timxix mal-kundizzjoni tal-permess.

Il-miżbla kkontrolata tal-Għallis fil-Magħtab issa qiegħda topera bil-permess li ġie mġedded wara li kien skada fl-2018. Id-Deputat Direttur tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi Aimee Brincat qalet lil Television Malta li waqt li l-miżbla kienet qiegħda topera mingħajr permess, l-ERA xorta baqgħet tagħmel l-ispezzjonijiet.

“L-Awtorità xorta waħda baqgħet timmoniterja l-operat b’mod regolari biex jiġi aċċertat li l-operat qiegħed isir fil-parametri legali. Ta’ min jinnota wkoll li ta’ dan qiegħed jiġi mmultat ukoll.”

B’kollox il-Wasteserv ġiet immultata €23,000. Il-permess għall-Għallis jistipula li l-wasteserv trid titratta b’materjal li jidhol fil-miżbla biex ma jkunx hemm irwejjaħ. Il-permess jistipola wkoll li l-ebda skart organiku m’għandu jintefa fil-miżbla kkontrolata u li s-saqijiet għandhom jiġu mqattgħin f’biċċiet żar qabel jintremew.

Il-Wasteserv qalet li ser iżżid l-ispazju fl-Għallis b’madwar tlett mitt elf metru kwadru u tibda tħejji għal-għeluq ta’ din il-miżbla.

L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorzi ġeddet il-permess biex il-wasteserv tuża l-ftit spazju li fadal fil-miżbla taż-Żwejra. Il-permessi għaż-żewg miżbliet għadda unanimament, bid-Deputat Direttur tal-ERA Aimee Brincat tgħid li l-miżbliet għadhom jintużaw wara li l-iskart jiġi trattat.