Edukazzjoni
€26 miljun biex l-iskejjel isegwu l-protokolli kollha tas-saħħa għall-Covid-19

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici qal li għa-sena d-dieħla, il-Gvern alloka l-ikbar baġit li qatt kellu l-pajjiż għal dan is-settur, b’żieda ta’ €65 miljun. Dr Bonnici qal li l-protokolli tas-saħħa fl-iskejjel bejn din is-sena u s-sena d-dieħla se jfissru investiment ta’ aktar minn €37 miljun.

“Aħna nfaqna €26 miljun figura aġġornata, flus li nfaqna biex l-iskejjel jiftħu skont il-protokolli tas-saħħa, u iktar minn 11-il miljun is-sena d-dieħla għall-istess protokolli, għax il-gvern ħa bis-serjeta’ s-sigurta’ u s-saħħa ta’ wliedna, edukatturi u ħaddiema fl-iskejjel”.

Il-Ministru Bonnici qal li aktar minn €93 miljun se jintefqu fi proġetti ta’ infrastuttura fl-iskejjel f’Malta u Għawdex, fosthom fl-iskejjel ta’ San Ġorg Ħal Qormi, f’Santa Luċija, fl-Imsida, in-Naxxar, fir-Rabat Għawdex u n-Nadur. Dr Bonnici spjega li l-Università ta’ Malta, is-sena d-dieħla, se jsir kumpless sportiv ġdid, u binja ġdida għall-Istitut tal-Edukazzjoni Fiżika u għall-Iskola tal-Arti Performattiva.

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport Clifton Grima qal li l-Budget se jkompli jsaħħaħ is-settur tal-isport fosthom bit-twaqqif ta’ żewġ entitatjiet ġodda, waħda għall-governanza u oħra għall-isport ekwestru. Semma l-proġetti li se jsiru għal xi klabbs tal-futbol, padilljun ġdid tal-basketball, velodrome, rowing tank u pixxina olimpika ġdida. Għas-settur tal-volontarjat, il-Gvern se jagħti għajnuna diretta ta’ €3 miljuni lill-għaqdiet mhux governattivi.