Agrikultura
€3.5m f’għajnuna lill-bdiewa wara li sofrew ħsarat fil-Grigalata ta’ Frar

Erba’ xhur mill-maltempata qalila li ħakmet il-gżejjer Maltin, il-Gvern ħabbar li se jipprovdi tliet miljuni u ħames mitt elf Ewro mill-fondi nazzjonali biex jgħin lill-bdiewa li sofrew ħsarat strutturali fl-għelieqi. Is-Segretarju Parlamentari għall-Agrikoltura, Clint Camilleri, ħabbar id-dettalji dwar kif il-bdiewa jistgħu jibbenefikaw.

Il-Gvern beda jilqa’ l-applikazzjonijiet mingħand bdiewa li sofrew ħsarat strutturali mill-maltemp qawwi li laqat il-pajjiż fit-23 u l-24 ta’ Frar li għadda.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Agrikoltura, Clint Camilleri, ħabbar li l-Gvern alloka €3.5 miljun minn fondi pubbliċi biex itaffi mill-ispejjeż li ġew għall-għarrieda fuq il-bdiewa. Spjega li l-għajnuna finanzjarja se tingħata għal spejjeż relatati mat-tiswija jew bdil ta’ serer, tunnels jew imtieħen tradizzjonali tal-ilma; il-manutenzjoni jew bini mill-ġdid ta’ ħitan tas-sejjiegħ li jilqgħu l-ħamrija; ċerti xogħlijiet biex tissewwa ħsara fl-irziezet u spejjeż għaċ-ċertifikazzjoni minn periti. Dawk eliġibbli se jieħdu sa 45% tal-ispejjeż.

Is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri qal li l-flus ġew allokati wara li saret stima tal-ħsara li ġarrbu l-bdiewa. Hu kkonferma ma’ TVM li l-bdiewa ppreżentaw b’madwar €8 miljun fi spejjeż għal danni li sofrew. Il-Perit Camilleri qal li l-Gvern iddeċieda li jgħin b’fondi nazzjonali wara li ġie stabbilit li Malta ma kinitx eliġibbli għall-fondi Ewropej.

“Ma kellniex qafas li jieħu ħsieb meta jiġru affarijiet bħal dawn. Illum għandna qafas li jista’ jiġi użat ukoll fil-futur. Nittama li ma jkollniex maltempati li jerġgħu jagħmlu din il-ħerba. Pero, iva llum il-Gvern għandu qafas li jaħdem u jekk ikun hemm bżonn jista’ jerġa’ jużah fil-futur.”

L-applikazzjonijiet mill-bdiewa se jintlaqgħu l-pitkalija, l-għammieri jew fil-farm tal-Gvern fix-Xewkija sal-aħħar ta’ Settembru.

Mistoqsi dwar talbiet li saru minn sajjieda li sofrew ħsarat fl-istess maltempata, il-Perit Camilleri qal li bħalissa qed jiġu kkalkulati. Indika li l-ħsarat għas-sajjieda ma kinux kbar bħal tas-settur agrikolu. Qal li l-għajnuna lis-sajjieda se titħabbar fil-ġimgħat li ġejjin.