Kunsilli Lokali
€3 miljun f’ċitazzjonijiet se jitqassmu għal proġetti fil-komunità

L-Aġenzija Lokali għas-Sistema tal-Infurzar, LESA, iffirmat ftehim mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali li permezz tiegħu se jitqassmu €3 miljun fuq tliet snin għal proġetti li jinkludu l-oqsma tal-ambjent, trasport u sigurtà.

Il-Ministru għall-Intern, Sigurtà Nazzjonali u Infurzar tal-Liġi, Byron Camilleri, qal li l-flus li jidħlu mit-taħrikiet se jiġu investiti fil-lokalitajiet wara li l-kunsilli lokali jressqu proposti ta’ proġetti għall-ġid tal-komunità.

Fl-ewwel minn sensiela ta’ inizjattivi bit-tema Gvern għan-Nies, tħabbar li dawn il-proġetti se jkunu fl-oqsma tal-ambjent, trasport nadif u alternattiv, infrastruttura moderna, u sorveljanza u sigurtà. Il-Ministru Byron Camilleri qal li permezz ta’ dan il-ftehim il-kunsilli lokali jistgħu jressqu proposti konkreti biex jibbenefikaw minn dawn il-fondi li minnhom tgawdi l-lokalità.

“Meta jaqla’ ċitazzjoni ħadd ma jieħu pjaċir iħallasha. Però bħala LESA qegħda hemmhekk mhux biex tagħmel profitt iżda sabiex tara dawk it-taħrikiet jerġgħu jiġu investiti lura fis-soċjetà, fil-konunitajiet tagħna. Allura bi sħab mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali qed naraw li dawn jiġu investiti f’diversi proġetti li huma ta’ fejda għall-komunità li ngħixu fiha. Proġetti ambjentali, proġetti ta’ trasport alternattiv, proġetti li jgħinnu fis-sigurta’ ta’ dik il-komunita’ u għaldaqstant qed naraw li permezz ta’ dan l-investiment ta’ €3 miljun fuq 3 snin ikollna komunitajiet li jkunu aħjar.”

Il-Ministru Byron Camilleri qal li biex ikollna sigurta’ ta’ veru fil-lokalitajiet irridu ngħixu f’soċjeta iktar organzizata u dixxiplinata. Qal li hu għalhekk li l-Gvern qed jassigura li l-LESA tinvesti lura dak li ddaħħal fin-nies. Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Jose’ Herrera, qal li dan hu ftehim importanti għaliex se jipprovdi aktar fondi lill-Kunsilli Lokali. Sostna li dan hu wkoll konformi mal-vizjoni tar-riforma tal-politika tal-Gvernijiet Lokali.