Edukazzjoni
€300 f’internet b’xejn għal kull student post-sekondarju

L-istudenti post-sekondarji se jingħataw sena internet b’xejn għall-valur ta’ €300 biex ikunu jistgħu jkomplu bl-istudji tagħhom wara l-edukazzjoni obbligatorja.

B’din l-għotja mat-3,100 student eliġibbli għall-istipendju li jattendu l-Junior College, Higher Secondary, l-MCAST u istituzzjonijiet oħra post-sekondarji oħrajn tal-Gvern, indipendenti u tal-Knisja.

Il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri qal li l-Gvern iddiskuta mal-‘internet service providers’ ewlenin u tfasslet sistema biex permezz tad-Dipartiment tal-Edukazzjoni l-istudenti jkunu jistgħu jirċievu dawn il-vouchers, b’investiment totali ta’ kważi miljun ewro.

“Nafu li ħafna mil-‘lectures’ kellhom ikunu ‘online’ u aħna ma ridniex li anke jekk hemm persuna waħda ma taffordjax internet, dan l-ixkiel inneħħuh ukoll”.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana qalet li l-internet bla ħlas se jindirizza l-effetti li ħalliet il-pandemija fuq l-istudenti.

“Irridu naħsbu għall-effetti tal-pandemiji u l-istrateġiji li qed nagħmlu huma mmirati għall-isfidi li qed jinqalgħu”.

Il-‘vouchers’ se jitqassmu b’mod elettroniku u kull student se jagħżel skema tal-internet li jixtieq hu.

L-emails se jibdew jaslu għand l-istudenti minn għada u jkunu jistgħu jissarfu minn jumejn oħra sal-aħħar ta’ Ġunju li ġej.