Annimali
€30,000 f’għajnuna mill-Gvern lil 8 għaqdiet għall-ħarsien tal-annimali

Tmien għaqdiet mhux governattivi li jaħdmu biex itejbu l-ħarsien tal-annimali rċievew bejniethom €30,000.

Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Annimali Clint Camilleri spjega li din hija l-ewwel nofs tas-somma li se tkun qed tingħata lil dawn l-għaqdiet, bi €30,000 oħra se jitqassmu sal-aħħar tas-sena d-dieħla.

L-għaqdiet li bbenefikaw minn dan il-fond huma Animal Care Malta, Association for Abandoned Animals, Birdlife Malta, C.L.A.W.S., Carers for Stray and Abandoned Felines, National Cat Society, RMJ Horse Rescue u Stray Animals Support Group.

Huwa qal li madwar €25,000 oħra qed jitwarrbu sakemm numru ta’ għaqdiet mhux governattivi oħra jirregolaw ruħhom u jkunu konformi mal-Kummissarju tal-Għaqdiet Volontarji. Żied li dan qed isir sabiex kull għaqda tingħata ċans li tibbenefika minn dan il-fond.

Is-Segretarju Parlamentari Camilleri qal li qed titwettaq il-wegħda elettorali oħra, li tiżdied l-għajnuna finanzjarja permezz tal-Fond għall-Ħarsien tal-Annimali lis-santwarji tal-annimali biex dawn ikunu jistgħu jinvestu.

Qal li din l-għajnuna ġiet konfermata fil-budget għas-sena d-dieħla hekk kif ġiet allokata żieda f’dan il-fond. Huwa radd ħajr lil dawn l-għaqdiet u s-santwarji għall-ħidma tagħhom favur il-ħarsien tal-annimali.