Lokali
€300,000 fuq tliet snin għal għaqda li tgħin vittmi ta’ abbuż sesswali

Il-Ministeru għall-Ġustizzja Soċjali u s-Solidarjeta, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal laħaq ftehim mal-għaqda mhux governattiva Victim Support Malta biex fuq medda ta’ tliet snin jagħtiha €300,000 ħalli bihom tgħin vittmi ta’ abbuż sesswali.

Il-Ministru Michael Falzon qal li l-ministeru mmexxi minnu qed jara l-ħtiġijiet ta’ persuni partikolari fis-soċjetà u jirrispondi bl-ghajnuna ta’ għaqdiet mhux governattivi li diġà kienu jagħtu s-servizz lil dawn il-vittmi.

Huwa spjega li l-ministeru ma baqax jahdem biss fl-oqsma tradizzjonali ta’ ghajnuna iżda qed ikun innovattiv billi jirrikonoxxi t-tbatija li jgħaddu minnha persuni li jkunu abbużati u għalhekk ra li hija ta’ importanza kbira li jingħata dan is-servizz.

Il-kap tal-programm Care for Victims of Sexual Assualt Sarah Jane Mifsud qalet li l-għaqda tagħti servizz terapewtiku kemm għall-vittmi kif ukoll għall-familjari tagħhom kemm jekk l-abbuż sesswali jkun sar riċentament u anke jekk ilu ż-żmien.

Hija spjegat kif is-servizz legali jingħata bla limitu u bla ħlas kemm fuq bażi ta’ pariri u anke rappreżentazzjoni, servizz psikjatriku għal dawk li jkunu jinħtieġu għajnuna medika u anke b’servizz ta’ għajnuna immedjata lill-vittmi sebat ijiem fil-ġimgħa.

Fl-aħħar seba’ snin Victim Support Malta għenet 250 persuna u l-familji tagħhom li mingħajr l-għajnuna finanzjarja governattiva ma kienx ikun possibbli.