Qorti
€31,600 kumpens talli rriżenjat mix-xogħol wara tnaqqis fil-grad

Mara li rriżenjat mill-post tax-xogħol wara li nbidlilha l-irwol fil-kumpanija se tingħata €31,600 f’kumpens wara li t-Tribunal Industrijali taha raġun għall-ilment li qajjmet.

Doreen Saliba fetħet il-kawża fit-Tribunal Industrijali kontra l-kumpanija Foster Clark Products Limited.

Saliba bdiet taħdem mal-kumpanija fl-2014 bħala fattiga partajm u wara li ħadet żewġ promozzjonijiet bdiet tokkupa l-irwol ta’ Housekeeping Leading Hand.

Madankollu fl-2018 kienet infurmata li l-irwol tagħha kien se jinbidlilha għal dak ta’ fattiga u peress li ħasset din id-deċiżjoni bħala waħda umiljanti rriżenjat.

Il-kumpanija nsistiet li r-riżenja tagħha kienet waħda volontarja u ma kienx hemm tkeċċija jew riżenja sfurzata. Hija sostniet ukoll li Saliba ħadmet il-perjodu tan-‘notice’ wara li nfurmatha bir-riżenja.

Quddiem it-Tribunal Industrijali rriżulta wkoll li qabel fetħet il-kawża Saliba talbet lill-GWU biex tirrimedja u din waslet għal ftehim mal-kumpanija biex il-mara tingħata ħlas ta’ €12,000 madankollu l-mara rrifjutat din is-somma.

Wara li sema’ liż-żewġ naħat it-Tribunal Industrijali, presedut miċ-Ċermen Joseph Gerada, irrimarka li meta lill-ħaddiem tibdillu xogħlu u tagħtih xogħol inferjuri għal dak li kellu ġustament iħossu umiljat u d-dinjità tiegħu se tkun affettwata.

Huwa sostna li r-realtà f’dan il-każ hija li Saliba ġiet “demoted” u n-nomenklatura ta’ Lead Cleaner ma baqgħetx tagħmel sens.

Gerada qal li meta l-management jieħu deċiżjoni li biha jieħu lura r-responsabbiltà u l-awtorita li l-ħaddiem kien qed iġorr sa dak il-muemnt ikun qed jibgħat messaġġ negattiv dwar il-kontribut, ir-relevanza u l-valur tal-ħaddiem.

“L-imġieba tal-management kien wieħed ċar li kemm-il darba l-ordni ma tkunx aċċettata l-kumpanija ma kinitx se tkompli bil-kuntratt tax-xogħol. Infatti minkejja li ttamat li l-inġustizzja li sofriet tkun riversjata biex tibqa’ fl-impjieg l-kumpanija kienet interessata biss li tagħmel ftehim finanzjarju biex ittemm l-impjieg”, żied jgħid.

Huwa ikkonkluda li l-azzjoni tal-management li jibdel in-natura tax-xogħol ta’ Saliba kien ksur fundamentali tal-kundizzjonijiet tal-kuntratt tax-xogħol u ordna lill-kumpanija biex tagħti l-imsemmi kumpens fi żmien sitt ġimgħat.

F’din il-kawża Saliba kellha jidher għaliha lill-Avukat Malcolm Mifsud waqt li għall-kumpanija deher l-Avukat Matthew Brincat.

Sadanittant, wara li ħarġet l-istorja, il-mara kkuntattjat lil tvm.com.mt u nfurmatna li l-kumpanija kienet appellat mid-deċiżjoni u li għalissa mhux se tingħata l-kumpens.