Lokali
€37 miljun liri Maltin għadhom fl-idejn

Is-sena se tibda bi strina tajba għall-kaxxa ta’ Malta li mistennija tara dħul ta’ darba ta’ aktar minn tletin miljun Ewro. Dan jirrapreżenta l-ammont ta’ karti ta’ flus Maltin li għadhom fiċ-ċirkulazzjoni u mhux se jissarrfu sal-aħħar ta’ dan ix-xahar, meta mbagħad il-valur tagħhom jgħaddi bħala profitt favur il-Gvern. Minn tagħrif li tvm.com.mt kiseb mill-Bank Ċentrali, il-valur tal-karti tal-flus Maltin li għadhom fiċ-ċirkulazzjoni jaqbeż is-€37 miljun.

Malta llum għalqet għaxar snin membru taż-żona Ewro. Fl-1 ta’ Jannar 2008, il-pajjiż ma baqax juża l-lira Maltija u minflok beda juża l-Ewro.

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta se jagħlaq l-aħħar kapitlu b’rabta mal-flus Maltin fil-31 ta’ dan ix-xahar. Jesmond Gatt, uffiċjal fil-Bank Ċentrali nkarigat mis-servizzi bankarji spjega li dakinhar jagħlaq iż-żmien għat-tisrif tal-karti tal-flus Maltin li minnhom fiċ-ċirkulazzjoni għad fadal il-valur ta’ 16-il miljun lira jew kemm jiswew €37.3 miljuni. Wara l-31 ta’ Jannar, il-Bank Ċentrali ma jibqax isarraf il-flus u dawn il-karti tal-flus jiġu ma jiswew xejn.

Jesmond Gatt qal li ‘iċ-ċittadini jridu jġibu magħhom l-ID Card biex inbiddlu l-flus. Min irid nistgħu ngħaddulu l-flus gol-kont tiegħu l-bank. Irid iġibilna l-IBAN number biex ngħaddulu l-flus hemmhekk.’

Is-Sur Gatt spjega li l-valur tal-flus li ma jissarrfux jispiccaw fi profitti għall-Bank Ċentrali li mbagħad jgħaddihom lill-Gvern. Qed jinbidlu f’Ewro, l- karti tal-flus Maltin tal-ħames serje, l-aħħar li kienu fiċ-ċirkolazzjoni. It-tisrif qed isir filgħodu f’binja tal-Bank Ċentrali fil-Belt, li d-dħul għaliha hu minn ħdejn il-venda tal-karozzi tal-linja jew mit-telgħa li twassal għal Pjazza Kastilja.

Il-flus li jaslu l-Bank Ċentrali jinbidlu fi flus Ewro bir-rata stabbilita ta’ 0.4293.

Il-karti tal-flus Maltin jiġu ċċekkjati għall-awtentiċità tagħhom u wara l-Bank Ċentrali jeqred dawn il-flus peress li ta l-valur tagħhom liċ-ċittadini li ġew bihom.

Il-muniti tal-flus Maltin ilhom snin li saru parti mill-istorja. It-tisrif tagħhom mill-Bank Ċentrali waqaf fit-2 ta’ Frar 2010. Dakinhar, il-valur tal-muniti li ma ssarrfux kien qabeż il-11-il miljun lira, ekwivalenti għal kważi €26 miljun. Wara li għalaq iż-żmien tal-bdil tal-muniti, Jesmond Gatt spjega li l-Bank Ċentrali kien ħareġ sejħa internazzjonli biex biegħ dawn il-muniti Maltin għall-valur intrinsiku tal-metall. Żied jgħid li kienu nġabru 384 tunellata ta’ muniti li ġew esportati l-Indja u l-Ġermanja fejn ġew riċiklati, iddewbu u saru prodotti oħra.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Il-Bank of Valletta ħabbar li mit-Tnejn 17 ta’ Awwissu 2020, se jerġa’ jiftaħ erba’ fergħat oħra li jinsabu fil-Fgura, Fleur de Lys, il-Ħamrun u l-Mellieħa. Fi stqarrija l-bank qal li b’hekk it-total…

Qorti

10.50 a.m. Il-Ministru għall-Finanzi qal li l-Ministeru mhu nvolut fl-ebda proġett u kull ma jagħmel hu li jgħaddi l-flus lill-Ministeru kkonċernat.  Mistoqsi mill-bord ta’ inkjesta dwar jekk hu kienx jistaqsi kif…

Lokali

In-nursery tal-futbol ta’ Birkirkara ħabbret il-mewt ta’ wieħed mit-tfal li kien jitħarreġ magħha għal numru ta’ snin u li matul l-aħħar xahar kien qed jiġġieled marda kiefra. Fuq il-paġna fuq…

COVID-19

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija fi stqarrija dalgħodu qalet li d-direttivi li għaddejjin bħalissa se jiġu estiżi u se jibqgħu fis-seħħ sal-Ġimgħa 14 ta’ Awwissu. F’laqgħa tal-Kunsill tal-MAM li saret ilbieraħ ġie…

Aktar