Qasam soċjali
€4.2 miljun investiment f’Dar il-Kaptan

Il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja u l-Aġenzija Sapport iffirmaw ftehim soċjali ta’ €4.2 miljun ma’ Dar il-Kaptan fl-Imtarfa.

L-investiment għat-tliet snin li ġejjin huwa €2.5 miljun aktar mill-kuntratt tal-2018 u se jsaħħaħ il-kunċett ta’ ‘respite’ biex ġenituri li għandhom tfal b’diżabbilta’ jkunu jistgħu jieħdu l-mistrieħ meħtieġ.

Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalita’ tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli qalet li minn dan l-investiment se jibbenifikaw mal-200 familja.

“Aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar persuni li għandhom tfal b’diżabilità jieħdu ħsieb il-kura tagħhom stess u hemm bżonn li minn ġimgħa għal ġimgħa jiċċarġjaw l-enerġija tagħhom. Allura rridu naraw li t-tfal dejjem jingħataw il-kura f’għożża u mħabba”.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport Ruth Sciberras qalet li l-ftehim, li issa jkopri kemm is-servizz ta’ ‘respite’ fuq bażi residenzjali kif ukoll ieħor fuq is-servizz ta’ matul il-jum, joffri attivitajiet rikreattivi u servizzi terapewtiċi u qiegħed jindirizza l-bżonnijiet partikolari tal-familji b’persuni b’diżabilità.

“Familji ta’ persuni b’diżabilità se jkunu jistgħu iserrħu rashom meta l-familji u l-għeżież tagħhom jiġu hawnhekk. F’Dar il-Kaptan se jkunu ndukrati sew kemm f’dak li huwa ikel, akkomodazzjoni kif ukoll iġjene,. Aħna wkoll bħala Aġenzija Sapport inkunu qegħdin insegwu dawn il-persuni b’diżabilità u naraw li jkollhom pjan individwalizat u anki jissoċjalizzaw ma’ persuni oħra b’diżabilità li jissoċjalizzaw ukoll”.

Iċ-Chairperson ta’ Dar il-Kaptan Martin Saliba qal li bħala ġenitur ta’ persuna b’diżabilità jifhem il-bżonnijiet tal-ġenituri u tal-persuni b’diżabilta u jemmen li l-ftehim huwa xhieda tal- fiduċja assoluta mill-Gvern fis-servizzi ta’ respite li toffri Dar il-Kaptan.