Lokali
€4.5 f’fondi biex jgħinu lill-bdiewa u r-raħħala mill-effetti ħżiena tal-pandemija

Il-Kummissjoni Ewropea approvat li erba’ miljun ewro u nofs minn fondi nazzjonali jintużaw f’żewġ skemi ta’ għajnuna għall-bdiewa u r-raħħala biex itaffu mill-effetti ħżiena tal-pandemija fuq is-settur.

Skema minnhom se tipprovdi pagament ta’ €200 għal kull ettaru ta’ art lill-bdiewa u l-iskema l-oħra se tagħti pagament lir-raħħala li se jinħadem fuq l-annimali eliġibbli.

Fit-tnedija ta’ żewġ skemi ġodda ta’ għajnuna finanzjarja lill-bdiewa u r-raħħala għal waqt il-pandemija, il-Ministru għall-Agrikoltura Anton Refalo qal li dawn l-iskemi jibnu fuq oħrajn simili li nħarġu s-sena li għaddiet u li minnhom gawdew 5,000 bidwi.

“Malli faqghet il-pandemija mill-ewwel tajna erba’ miljun ewro lil dan is settur u issa ergajna ħdimna fuq din il pandemija u se nerġgħu nagħtu €4 miljun u nofs. Jiġifieri se nkunu tajnieh mhux inqas minn 8 miljuni u nofs.”

Dr Refalo qal li din id-darba ż-żewġ skemi se jorbtu lis-settur kollu tar-raħħala u l-bdiewa li qal għalkemm iffaċċja għadd ta’ sfidi waqt il-pandmeija wera li hu b’saħħtu.

Il-Ministeru qed jibgħat formoli lill-bdiewa u raħħala li jixtiequ jibbenefikaw minn din l-għajnuna biex jirreġistraw l-interess tagħhom sa mhux aktar tard mill-aħħar ta’ dan ix-xahar.