Lokali
€4.9 miljun f’rifużjoni tat-taxxa fuq vetturi rreġistrati fl-2008

Il-Gvern nieda l-aħħar fażi tal-iskema tar-rifużjoni tat-taxxa żejda li tħallset fuq ir-reġistrazzjoni tal-vetturi bejn l-2004 u l-2008. Din is-sena l-vetturi eliġibbli huma dawk li ġew reġistrati mill-1 ta’ Jannar 2008 sal-31 ta’ Diċembru 2008. Mas-6,300 persuna huma eleġġibli għal din ir-rifużjoni li ser tilħaq ftit inqas minn €5 miljuni.

Is-sidien tal-karozzi li ġew reġistrati fl-2008 għandhom sas-26 ta’ April biex japplikaw ħalli jieħdu lura l-flus tat-taxxa żejda li kienu ħallsu fuq ir-reġistrazzjoni tal-vetturi. Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali, Ian Borg, qal li l-Gvern beda din l-iskema tar-rifużjoni tat-taxxa sitt snin ilu u sal-lum, 29,000 persuna li kienu ħallsu din it-taxxa, ħadu flushom lura li laħqu kwazi €24 miljun.

Il-Ministru Borg qal li din is-sena l-Gvern se jqassam l-aħħar rifużjoni li tammonta għal €4.9 miljun lil 6,300 persuni eliġibbli li rreġistraw l-vettura tagħhom fl-2008. Kompla jgħid li Transport Malta se toħroġ l-applikazzjonijiet biex min hu eliġibbli japplika sas-26 ta’ April u jitħallas sal-aħħar ta’ Mejju.

“Transport Malta bħala Ministeru konna partners tal-Ministeru tal-Finanzi biex naraw li verament dawk li huma eleġibbli u li kienu inġustament ħallsu din it-taxxa jieħdu issa din ir-rifużjoni” qal il-Ministru Borg.

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li hu ta’ sodisfazzjon li l-Gvern jara wegħda oħra tiegħu titwettaq. Sostna li dawn ir-rifużjonijiet tat-taxxa, ħallew iżjed flus fl-idejn u rriflettiet ukoll fit-tkabbir tal-ekonomija Maltija fl-aħħar ħames snin, li kibret b’medja ta’ 7.1% kull sena.

Il-Ministru Scicluna qal “hija riflessjoni ta’ kif mexa l-Gvern, illi l-ewwel nett m’għaġġilx, li skont il-mezzi tal-pajjiż ferixha fuq sitt snin, illi kien jaf li wegħda li tista’ titwettaq, u li ħadem għaliha biex titwettaq ma’ miżuri oħrajn.”

Il-Professur Scicluna temm jgħid li din il-miżura turi fejn qed imur il-ġid li qed jinħoloq u qal li l-ġid qed imur fil-bwiet tan-nies.

Aħbarijiet Oħra
Partit Nazzjonalista

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li jkun xi jkun ir-riżultat tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali, huwa u sħabu kommessi li jaħdmu aktar qalb in-nies li mhux…

Partit Laburista

F’Mass rally il-Birgu, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat qal li l-għażla ta’ nhar is-Sibt li ġej mhix bejn l-aħmar u l-blu, imma dik bejn li tmur lura jew…

Passatemp

Eluf ta’ key chains taħt saqaf wieħed, huma l-mimmi t’għajnejn Ġorġ Borġ, li faċilment jista’ jingħad li għandu l-ikbar kollezzjoni tagħhom f’Malta. Qatt ma xtara waħda, iżda huwa kburi li…

Aktar