Lokali
€4 miljun allokati biex jitranġaw spazji miftuħa

Din is-sena, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi alloka €4 miljun biex jirranġa spazji miftuħa li fihom il-pubbliku jista’ jgawdi l-ħin liberu tiegħu. Il-programm tax-xogħlijiet ivarja minn interventi fuq tisbiħ ta’ ġonna pubbliċi, spazji miftuħa aktar organizzati, irranġar ta’ bandli u xogħol ta’ pavimentar.

Fost l-aħħar proġetti fi spazji miftuħa li tlestew mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali: Ġnien Għar Barka, fir-Rabat. Fi żjara f’dan il-ġnien, id-direttur tad-dipartiment, il-Perit Nadia Curmi qalet li mpenn ewlieni tad-Dipartiment hu li jagħti lura lill-komunità aktar spazji miftuħa, mħaddra u aċċessibli għal kulħadd. Ix-xogħol fi Ġnien Għar Barka sewa kważi €300,000 u sar fuq tliet livelli differenti li jintlaħqu b’turġien u rampi u mdawrin b’siġar u pjanti li ħawwlet Infrastructure Malta. Il-post li hu mħares b’għadd ta’ kameras tas-sigurtà, jagħti lill-pubbliku aċċess b’xejn għall-WiFi u għat-tfal hemm żona fejn jistgħu jilagħbu.

Il-Perit Curmi qalet li ma’ kull proġett isir ftehim ta’ manutenzjoni, li f’dan il-każ sar mal-kunsill lokali tar-Rabat.

“Dawn il-manutenzjonijiet ngħadduhom kollha lill-kunsill, u jkun hemm agreement għal ħames snin u imbagħad l-kunsill irid ikompli jsegwi biex imantni spazji bħal dawn.”

Fir-Rabat ukoll, f’parti aktar antika tal-lokalità, Triq Doni nqalgħet biex tiġi pavimentata sa Triq Għeriexen fejn se jsir taraġ ġdid li jagħti għal pjazzetta li se tiġi msebbħa. Dan ix-xogħol se jiswa’ madwar nofs miljun ewro.

“Kull proġett huwa marbut ma’ permess tal-Awtorità tal-Ippjanar. L-Awtorità tal-Ippjanar tgħaddi l-konsultazzjonijiet tagħha fosthom mal-entitajiet rispettivi.”

Mistoqsija kif jintagħżlu l-ispazji miftuħa biex fihom isir proġett ta’ tisbiħ, il-Perit Curmi qalet li fil-maġġoranza tal-proġetti jiġu avviċinati mill-kunsill lokali jew xi għaqda mhux governattiva.

“Mhux dejjem ikun hemm il-kunsilli lokali involuti, ġieli jkollna biċċiet ta’ artijiet li jkunu abbandunati u jkunu qed jgħatu lok ta’ abbuż illi l-Gvern jiddeċiedi li għandu jintervjeni biex joħloq spazji aktar safe u spazji miftuħa għall-komunità.”

Proġett ieħor li għadu kemm tlesta hu spazju miftuħ ħdejn il-grawnd tal-futbol ta’ Ħad-Dingli, b’20% tal-ispiża li laħħqet s-€600,000 marret biex inbena ġibjun kbir għall-ħażna tal-ilma għat-tisqija tas-siġar fil-lokalità. Fost l-inħawi identifikati biex isir xogħol ta’ tisbiħ hemm ż-żona ħdejn l-arloġġ fl-Imtarfa u ġnien pubbliku żgħir fi Triq ir-Ramija, fis-Siġġiewi.