Infrastruttura
€4 miljun biex djar fil-kampanja tar-Rabat jitqabbdu mad-drenaġġ

Familji li jgħixu fil-kampanja tar-Rabat se jitqabbdu man-network tad-drenaġġ, wara li minn kemm ilhom jgħixu f’darhom kienu jarmu d-drenaġġ f’fossa li titbattal kultant jiem, fost ħafna inkonvenjent.

Wara snin ta’ stennija, ġew iffinalizzati l-pjani biex madwar 300 familja li jgħixu fl-akwati tal-Landrijiet, is-Salvatur u Ġnien is-Sultan fil-limiti tar-Rabat jitqabbdu mas-sistema tad-drenaġġ. Għal dan il-proġett, li se jitwettaq mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, il-Gvern se jinvesti €4 miljun, parti kbira minnhom minn fondi Ewropej. Il-proġett se jwassal id-drenaġġ fl-impjant ta’ Barkat biex jiġi ttrattat u mibdul f’ilma tajjeb għat-tisqija.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni, Richard Bilocca, spjega li bħalissa r-residenti fiż-żoni jużaw fosos biex jarmu d-drenaġġ. Is-Sur Bilocca sostna li l-proġett se jagħti nifs lir-residenti fosthom bit-tnaqqis fl-irwejjaħ.

“Mhux se jkollhom inkonvenjent li jiġi bowser quddiem id-dar ibattal il-fossa, u anke billi mhux se jkun hawn bawżers f’dawn it-toroq se nnaqqsu t-traffiku u l-emissjonijiet tas-CO2,” qal is-Sur Bilocca.

Is-Sur Bilocca iżda stqarr li l-proġett huwa wieħed ikkumplikat u jeħtieġ isir b’kawtela minħabba l-valur arkeoloġiku f’tal-Landrijiet minħabba fost oħrajn is-sejba ta’ oqbra antiki.

Dan diġà ħarġu t-tenders u ġew ikkuntratti x-xogħlijiet. Qegħdin fil-fażi fejn qed naqblu mas-Sovritendenza tal-Wirt Kulturali eżattament kif se naħdmu mil-lat kulturali.

Dan huwa xogħol li se jtul jiġifieri hawnhekk wisq probabbli l-inġenji li se jintużaw li jimxu b’mod kajman iktar minn postijiet mhux sensittivi.

Il-Ministru għall-Immaniġġjar tal-Ilma, Joe Mizzi, qal li l-proġett huwa essenzjali għall-ambjent. Żied jgħid li mindu jibda x-xogħol, il-proġett se jieħu madwar 90 ġimgħa biex jitlesta.

Aħbarijiet Oħra
Sport

Isem Jan Mølby hu assoċjat mat-tim tal-futbol ta’ Liverpool. F’karriera ta’ tnax-il sena ma’ dan it-tim, Jan Mølby skorja 62 darba, b’żewġ terzi tal-goals minn penalty. Illum wasal Malta biex…

Infrastruttura

Manager f’sit tal-kostruzzjoni li tkellem ma’ TVM wera tħassib li minkejja l-esperjenza twila li għandu f’siti tal-kostruzzjoni, bir-regolamenti l-ġodda tal-bini u l-iskavar jista’ jitlef ħobżu. Aaron Chetcuti, li ilu sentejn…

Politika

Il-lejl li għadda d-Deputati tal-Partit Nazzjonalisti żammew fommhom sieket fuq l-għatba tad-Dar Ċentrali fi tmiem l-laqgħa tal-grupp Parlamentari. Uħud iżda dehru aktar lesti li jitkellmu dwar dak li għaddej fil-partit…

Aktar