Edukazzjoni
€4 miljun għall-immodernizzar u bini ta’ sular ieħor fl-Iskola Primarja ta’ Ħal Għaxaq

L-iskola primarja ta’ Ħal Għaxaq se tiġi estiża b’sular ieħor, filwaqt li se tiġi mmodernizzata b’investiment ta’ €4 miljun. Dan il-proġett huwa wieħed minn ħolqa ta’ proġetti oħra li qed isiru mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada biex skont kif qalet il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana it-titjib fil-kwalita’ tal-edukazzjoni tinkiseb ukoll billi t-tfal ikollhom spazju modern, aċċessibbli u komdu fejn jitgħallmu.

Investiment ta’ €4 miljun għall-immidernizzar tal-iskola ta’ Ħal Għaxaq bil-proġett jinvolvi l-bini ta’ sular ġdid fuq il-binja eżistenti biex l-iskola tkun tista tlaħħaq maż-żieda fil-popolazzjoni li mistennija titla għal 400 student fis-snin li ġejjin. L-iskola primarja ta’ Ħal Għaxaq li tifforma parti mill-kulleġġ San Benedittu tinsab f’binja ta’ żewġ sulari li nbniet fil-bidu tas-Seklu Għoxrin. Il-parti l-antika tal-iskola se tkun kompletament immodernizzata u msebbħa.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada, Neville Young qal li permezz tal-proġett se tkun indirizzata l-aċċessibiltà fil-binja biex tkun skont l-liġi, filwaqt li se jkunu introdotti wkoll miżuri effiċjanti tal-enerġija, servizzi ġodda bħal dawl, ilma, dranaġġ, kameras tas-sigurtà, konnessjoni tal-internet, alarm u servizzi oħra. Fil-ġimgħat li ġejjin mistennija toħroġ sejħa pubblika sabiex isir dan il-proġett li qed tieħu ħsiebu l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada.

Il-Ministru tal-Edukazzjoni Justyne Caruana qalet li l-investiment fit-tfal u l-edukazzjoni tagħhom huwa importanti biex l-iskola li hija bħat-tieni dar tagħhom, toffri spazju modern, aċċessibbli u komdu. Qalet li t-titjib fil-kwalità tal-edukazzjoni ma tinkisibx biss b’tisħiħ fil-kurrikulu iżda billi jkun riġenerat l-ambjent edukattiv.

“Meta tara li għandek id-domanda flimkien ma struttura u binja li hija qadima hawnhekk bilfors irid jagħtiha prijorita u hawnhekk qed naraw l-estensjoni u tkabbir pero fuq kollox qed naraw l-immodernizzar”.

Il-Ministru Caruana qalet li f’dan l-isfond qed tinbena mill-ġdid l-iskola tar-Rabat Għawdex u qed tkun mmodernizzata l-Middle School tar-Rabat ukoll, filwaqt li se jsir investiment fl-iskola ran-Nadur. Dr Caruana rreferiet ukoll għax-xogħolijiet li qed isiru fl-iskola l-ġdida tal-Msida, ta’ Santa Luċija, taż-Żejtun, tal-Mellieħa u l-iskola tal-Arti fil-Belt.