Budget2021
€400 għal min jaqleb il-vettura li taħdem bil-petrol għall-gass

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru tal-Finanzi semma s-sistema Ewropea ġdida fuq l-emissjonijiet ta’ gassijiet tossiċi minn vetturi magħrufa bħala Worldwide Harmonized Light Vehicle Test Procedure u qal li l-irreveda l-konnessjoni tat-taxxa tar-reġistrazzjoni u l-miżata tal-liċenzja annwali mal-indikaturi tal-emissjonijiet, biex ħadd ma jħallas aktar milli qed iħallas illum.

Qal li fl-2021, il-Gvern se jwettaq studju biex ikun hemm tibdil minn karozzi li jaħdmu bil-fjuwil għall-karozzi li jaħdmu bl-elettriku fis-Servizz Pubbliku.

Se jkunu allokati €1.5 miljun għal skemi ta’ skrappjar ta’ vetturi – l-ogħla għotja tlaħħaq is-sebat elef ewro, filwaqt li se jiġu estiżi l-iskemi għax-xiri ta’ vetturi elettriċi inkluż inċentivi għax-xiri ta’ muturi, scooters u roti assistiti b’mutur tal-elettriku.

L-għotja biex vettura li taħdem bil-petrol tinqaleb għall-gass se titla’ għal €400 filwaqt li se tonqos il-liċenzja taċ-ċirkolazzjoni annwali għal muturi minn €65 għal €25.

Tħabbar ukoll li l-vetturi kollha, inkluż il-muturi, se jkunu jistgħu japplikaw biex jintużaw biss fi tmiem il-ġimgħa u fil-festi u jgawdu minn tnaqqis ta’ ħamsa u tletin fil-mija tal-ħlas annwali tal-liċenzja taċ-ċirkolazzjoni. Taxis ġodda, se jingħataw għotja ta’ għaxart elef ewro mar-reġistrazzjoni ta’ vettura ta’ taxi ġdida li tkun aċċessibbli għas-siġġu tar-roti.