Kaċċa u Insib
€4,000 rigal għal min isib lil min qatel Avultun f’Malta

L-għaqda Taljana CERM qed toffri €4,000 lil min jikxef min qatel Avultun Abjad (Egyptian Vulture) li għeb Malta u fejn tinsab it-tajra.

L-Avultun Abjad, ferħ li twieled f’Ġunju u ssemma Isabel, kien qed jiġi segwit b’tag tas-satellita li twaħħlitlu qabel inħeles fl-20 ta’ Awwissu li għadda.

It-tajra nħelset flimkien ma’ erba’ frieħ oħra mill-Parco della Murgia Materana fir-reġjun tal-Basilicata.

Skont is-satellita t-tajra għaddiet minn fuq Għawdex u l-Buskett qabel għebet Ħad Dingli bil-Bird Life Malta qalet li l-Avultun tniżżel b’tiri ta’ senter.

Sadanittant, il-Bird Life akkużat lill-kaċċaturi li wettqu massakru mit-tajr tal-priża li wasal Malta lbieraħ.

Waqt li ppubblikat ritratti ta’ uħud mit-tjur milqut hija qalet li l-kaċċaturi ħadu vantaġġ min-nuqqas ta’ pulizija u semmiet kif rapporti dwar kaċċa illegali waslulha minn madwar il-pajjiż.

Bird Life sostniet li mindu fetaħ l-istaġun tal-kaċċa fil-ħarifa fl-1 ta’ Settembru rċeviet 21 tajra milquta fosthom tajr tal-priża.