Lokali
€5 miljun mill-NDSF għat-taħriġ tal-atleti Maltin u faċilitajiet għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar

Sentejn ‘il bogħod mill-edizzjoni li jmiss tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li se ssir f’Malta, il-Gvern ħabbar li se jiddedika ħames miljun ewro għat-taħriġ tal-atleti Maltin u t-tisħiħ tal-infrastruttura biex Malta tospita dan l-avveniment sportiv.

Il-flus se jinħarġu mill-Fond Soċjali u tal-Iżvilupp Nazzjonali, l-NDSF li jamministra flus li jidħlu minn Komunità Malta li tmexxi l-Programm ta’ Residenza b’Investiment li tista’ twassal għaċ-ċittadinanza.

Sport Malta ġiet allokata s-somma ta’ ħames miljun ewro mill-Fond Soċjali u tal-Iżvilupp Nazzjonali biex tinvestihom fit-taħriġ professjonali tal-atleti Maltin u t-tisħiħ tal-infrastruttura sportiva bi tħejjija għall-edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li se jsiru sentejn oħra f’Malta.

Madwar 3,000 atleta minn għaxar pajjiżi żgħar minn madwar l-Ewropa se jiġu Malta biex jikkompetu f’għaxar dixxiplini sportivi.

Minkejja li t-tħejjijiet jinsabu fi stadju bikri, il-Kap Eżekuttiv ta’ Sport Malta Mark Cutajar qal li l-miri għall-prestazzjoni tal-atleti Maltin huma ambizzjużi u qed jittamaw li jiksbu 23 midalja tad-deheb. Spjega, li għal dan il-għan qed jitfassal programm professjonali għall-atleti.

“Ikollok infrastruttura tal-ogħla livell u l-investiment li sar illum fuq l-atleti aħna persważi li r-riżultati jistgħu jitjiebu. Meta kien hemm inqas investiment u inqas infrastruttura Malta ġa ġabet riżultati allura issa ngħollu r-riga u jkollna pjattaforma ikbar u nemmnu fl-atleti tagħna.”

Il-kap eżekuttiv tal-Fond Soċjali u tal-Iżvilupp Nazzjonali, Ray Ellul qal li l-budget jirrikonoxxi l-isforzi li jsiru mill-atleti Maltin fil-kompetizzjonijiet internazzjonali. Qal, li l-atleti jistħoqqilhom li jingħataw l-aqwa ċans biex javvanzaw fil-prestazzjoni tagħhom.

“Biex nakkwistaw ukoll prestazzjoni aħjar bħala pajjiż żgħir veru imma hawn talent sportiv żagħżugħ li rridu nikkapitalizzaw fuqu.”

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żagħżagħ, Sports u Għaqdiet Volontarji, Clifton Grima qal li l-isport huwa ħolqa essenzjali u prijorità fil-ħidma tal-Gvern. Qal, li l-Gvern irid jasal fi stadju fejn id-domanda ma tkunx jekk wieħed jipprattikax l-isport, imma xi sport jipprattika.

Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet, Alex Muscat qal li bil-provi l-Gvern qed juri l-isport ikun fil-qalba tal-komunitajiet. Żied jgħid li t-triq għall-2023 se tkun waħda li biha jittama li tħajjar diversi persuni biex jibdew jipprattikaw l-isport, u l-atleti biex itejjbu l-wirjiet tagħhom.