Unjoni Ewropea
€60 biljun inqas fil-baġit tal-UE minħabba l-Brexit

Il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea se jfisser mas-sittin biljun ewro inqas fil-Budget li jmiss tal-Unjoni Ewropea li jkopri s-seba’ snin li ġejjin.

Il-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel qed jipproponi li dan il-budget magħruf bħala l-‘MFF’ ikun ta’ €1,094 biljun jew 1.07% tal-ġid ekonomiku li toħloq l-Unjoni Ewropea.

Għall-pajjiżi li jikkontribwixxu aktar milli jirċievu bħall-Awstrija, l-Olanda, l-Iżvezja u d-Danimarka, dan l-ammont hu kbir ħafna filwaqt li għall-Parlament Ewropew u għal 17-il pajjiż imsiebħa fil-grupp imsejjaħ ‘Friends of Cohesion’ li jinkludi lil Malta, il-budget ma jilħaqx l-aspirazzjonijiet tagħhom.

Il-Parlament Ewropew u l-erba’ gruppi politiċi ewlenin wissew li lesti jirrifjutaw il-Budget, bil-President David Sassoli jgħid li għad hemm differenza ta’ €230 biljun. Saħaq li l-budget ma jistax jibqa jinħadem b’kontribuzzjoni nazzjonali minn kull pajjiż iżda b’sorsi ġodda ta’ dħul.

Konxju minn dawn id-differenzi, il-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel qatta’ l-aħħar xahar jiltaqa’ ras imb’ras ma’ ħafna mill-mexxejja fosthom mal-Prim Ministru Robert Abela. F’dawn il-laqgħat sema’ t-talbiet tagħhom u fl-aħħar jiem ressaq dokument ta’ ħamsin paġna li bih qed qed jittama li jkun hemm kompromess anke jekk xorta fih tnaqqis ta’ kważi 12 fil-mija fil-fondi ta’ koeżjoni li fost l-oħrajn jintużaw għall-proġetti tat-toroq u ta’ kważi 14% inqas għall-fondi allokati għall-politika agrikola.

Il-proposta ta’ Charles Michel fl-allokazzjoni tal-fondi ta’ koeżjoni mistennija twassal għal tnaqqis ta’ kważi 20% lill-pajjiżi għonja u tippremja lill-pajjiżi li għadhom ma laħqux l-iżvilupp tal-pajjiżi l-oħrajn tal-Unjoni Ewropea speċjalment dawk fil-Lvant tal-Ewropa.

Qed ikun rappurtat li kuntrarju għal seba’ snin ilu meta sa Frar kien intlaħaq qbil fuq il-budget għall-perjodu 2014-2020, fil-jiem li gejjin se jkun diffiċli ħafna li jintlaħaq qbil bejn is-27 pajjiż mexxej u jaf ikun hemm bżonn aktar laqgħat speċjali bit-tama li jinstab kompromess li b’xi mod jissodisfa lill-maġġoranza tal-pajjiżi u l-istituzzjonijiet.

Aħbarijiet Oħra
COVID-19

Fl-aħħar snin, fil-lejl bejn Ħamis ix-Xirka u l-Ġimgħa l-Kbira, kienet issir il-mixja għall-Fondazzjoni Puttinu Cares. Din kienet waħda mill-ħafna attivitajiet li tħassru minħabba l-pandemija tal-COVID-19 li qed iżid mal-piż li…

Kronaka

Illum, fil-Ġimgħa l-Kbira, il-Pulizija ħarġet total ta’ 59 multa lil persuni li kienu qed jiksru l-liġi billi nġabru barra f’qaqoċċa. Skont l-avviż legali LN 112/113 huwa illegali li f’post pubbliku jkun…

Lokali

Il-pandemija ħarbtet ir-rutina tax-xogħol ta’ bosta. Ħafna ħaddiema spiċċaw jaħdmu mid-dar bit-teleworking. Mhux kulħadd iżda jista’ jagħmel dan fosthom il-ħaddiema fl-isptar fejn żiedet il-pressjoni fuq l-infermiera u t-tobba fost oħrajn….

Reliġjon

Il-knejjes baqgħu bil-bibien magħluqa u l-bankijiet vojta. Għall-Ġimgħa l-Kbira din hi xena li qatt ħadd ma esperjenza, lanqas fil-gwerra! Diversi parroċċi xandru fuq il-midja soċjali mumenti ta’ talb quddiem l-altar…

Aktar